“L-Oppożizzjoni mhux meqjusa bħala gvern alternattiv.” Dan qalu l-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ttratta dan is-suġġett.
Hu stqarr kif, minkejja l-isforzi negattivi tal-Partit Nazzjonalista biex jipprova jisfoka l-viżjoni tal-Gvern, b’numru ta’ frażijiet u gimmicks, xorta waħda mhux qed iwasslu biex ikun ikkunsidrat bħala gvern alternattiv.
Hawn innota kif l-esponenti Nazzjonalisti qegħdin jużaw dawn l-elezzjonijiet għall-gwadann personali tagħhom.
Bonello tenna kif, għalhekk, l-Oppożizzjoni mhix kredibbli, għax qegħdin joħolqu fazzjonijiet interni ġodda u qegħdin ibegħdu numru ta’ partitarji Nazzjonalisti.
Il-kandidat Laburista żied jinnota kif l-Oppożizzjoni falliet mal-poplu meta kienet fil-Gvern u staġnat l-ekonomija, ħolqot miżuri li ġġeneraw żieda fl-inflazzjoni fuq in-nies.
Saħansitra poġġiet numru ta’ piżijiet direttament fuq il-ħaddiema, fosthom it-tnaqqir tal-festi pubbliċi u piżijiet fuq il-prezzijiet tad-dawl u l-ilma.
“Jekk inti tara kif qed jaħdem l-Oppożizzjoni qegħda biss titfa’ ħafna dellijiet koroh u affarijiet bħal dawn li mhux relevanti għan-nies. Ir-relevanza tan-nies hu meta inti jkollok Gvern jew inkella partit li jagħtik is-soluzzjonijiet u jkun hemm għalik. Meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, din m’għamilhiex.”
Jesmond Bonello
Bonello kkuntrasta dan mal-mentalità pożittiva u innovattiva ta’ dan il-Gvern, li minkejja l-isfidi internazzjonali li kellu jiffaċċja, ra li, minflok, jitfa’ l-piżijiet fuq il-familji, ħa inizjattivi varji biex ikun kontinwament ta’ sostenn għall-poplu Malti u Għawdxi.
Hu temm jgħid kif dan l-aġir qed ikompli jbiegħed lin-nies mill-Oppożizzjoni u l-poplu għadu sal-lum ma jikkunsidrahiex bħala gvern alternattiv. Dan għax in-nies ma jridux politika skaduta li twassal għal piżijiet u miżuri ta’ awsterità fuqhom, iżda jridu Gvern li jkun kapaċi u lest li jkun tarka u sostenn għall-ħaddiema, il-pensjonanti u l-familji tagħhom.