Fi Knisja ppakjata b’nies lebsin ħwejjeġ kull kulur, l-aktar il-kulur abjad, Jerome Frendo – iż-żagħżugħ t’20 sena li ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu nhar il-Ġimgħa 6 t’Ottubru, ingħata l-aħħar tislima.
Jerome se jibqa’ mfakkar għat-tbissima ħelwa tiegħu u l-attitudni pożittiva li biha affaċċja l-marda li kkawżatlu ħajtu.
Huwa ried ikun parti mill-ġlieda ta’ ħaddieħor kontra l-kanċer u jgħin b’kull mod li jista’ lil dawk mifluġa b’din il-marda iżda ma kellux ikun hekk kif jumejn ilu ħalla din id-dinja wara battalja li ħadet ftit anqas minn erba’ snin. Minkejja t-tbatijiet li għadda minnhom, Jerome dejjem kellu fidi kbira u kien lest li jibqa’ jagħmel il-ġid, ikun xi jkun id-destin tiegħu.
Il-funeral sar illum fit-15:00 fil-Knisja tad-Dumnikani fir-Rabat, u l-filmati flimkien ma’ siltiet mill-omelija li saret waqt il-Quddiesa, se jkunu fil-bulettin ewlieni tal-lejla fis-19:30.