Għadd ta’ persuni rħewlha għall-Belt Valletta sabiex jiċċelebraw l-Festa l-Kbira. Dan hekk kif il-preparamenti għall-festa l-kbira fl-aħħar jiem kienu għaddejjin b’ritmu mgħaġġel. Dan hekk kif f’dawn il-jumejn il-Belt Valletta se jkollha waħda mill-ikbar festi qatt iċċelebrati fiha.
Lejlet iċ-ċelebrazzjoni, fit-toroq tal-Belt Valletta ltqajna m’għadd ta’ żgħażagħ li kienu qed jarmaw it-toroq bl-armar li ssoltu joħroġ biss għall-festa tal-parroċċa tagħhom. Alan Ferrante, mill-għaqda tal-Armar tmienja u għoxrin t’Awissu saħaq li għalkemm li toħroġ l-armar tal-festa għal darba oħra fl-istess sena hija esperjenza sabiħa ħafna, din mhix biċċa xogħol faċli.
Ferrante qal li “Ikollok okkażżjoni bħal dik trid taħsiblu minn qabel, tibda tipprepara l-armar, tippjana x’se toħroġ. Forsi.. toħroġ tipprova biex tagħmel affarijiet ġodda. Rridu ngħidu li din se tkun it-tieni darba li f’temp ta’ tlett xhur li qed jintrama l-armar tal-festa barra li issa ħa jintrema f’Settembru għall-festa titulari li jmiss.”
Il-kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin, Fr.Deo Debono saħaq li lil hinn mill-aspett kulturali, l-fatt li d-devozzjoni lejn il-Madonna u t-tliet qaddisin se tiġi ċċelebrata fl-istess waqt hija aspett pożittiv ħafna ta’ din il-festa.
Fr. Deo Debono qal li “Aħna flimkien ma’ dawn l-erbgħa qaddisin, hemm il-madonna ovjament li hija l-eżempju perfett, imma imbgħad għandek lil Santu Wistin, San Duminku u l-San Pawl, huma tlett irġiel li għaddew minn diversi esperjenzi, raw bidliet kbar fil-ħajja tagħhom, bnew ordnijiet reliġjużi. Jiġifieri huma tlett irġiel li qatt ma qatgħu qalbhom, baqgħu jaħdmu u lil Alla verament żammewh f’qalbhom. Allura aħna u mexjin tul triq ir-Repubblika ħa nkunu nimxu ma’ dawn in-nies b’talba waħda sħiħa flimkien.”
B’hekk, il-Festa l-Kbira tkompli mal-kullana ta’ avvenimenti li jpoġġu lil Belt kapitali tagħna bħala ċentru ta’ kultura, u ċelebrazzjoni tat-tradizzjoni u l-briju tipiku Malti.