Fl-ewwel kwart tas-sena 2017, in-numru ta’ nies jaħdmu żdied bi 2.7% meta kkumparat mal-istess kwart fl-2016. Persentaġġ li juri li 66 persuna minn kull 100 persuna li għandhom bejn 15 u 64 sena sabu impjieg. 77.9% ta’ dawn kienu irġiel filwaqt li dawk nisa jammontaw għal 53%.
Dan ifisser li 192,277 persuna għandha impjieg, total li jammonta għal aktar minn nofs il-popolazzjoni li għandha ‘l fuq minn ħmistax-il sena. L-istatistika ppubblikata mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika turi li l-persuni self-employed ammontaw għal 13.3% mit-total ta’ persuni li għandhom impjieg.
Fl-ewwel kwart tas-sena dawk li jaħdmu fuq bażi full-time kienu 164,727 filwaqt li dawk li jaħdmu fuq bażi part-time kienu 27,550.
L-istatistika turi li dawk li jaħdmu full-time, jaħdmu medja ta’ 41.3 siegħa fil-ġimgħa filwaqt li dawk part-time jaħdmu 23.5 siegħa fil-ġimgħa.