Illum jagħlaq żmienu karattru li rnexxilu jsaħħar miljuni ta’ żgħażagħ madwar id-dinja kollha għal dawn l-aħħar għoxrin sena, b’bakketta maġika- qed nitkellmu dwar Harry Potter. Propju dal-lejl, f’ nofsillejl, mijiet ta’ ħwienet tal-kotba fl-Ingilterra fetħu jbiegħu l-aħħar edizzjoni tas-serje.
Eluf ta’ żgħażagħ Ingliżi ċċelebraw għeluq snin Harry Potter is-Sibt filgħaxija jistennew barra ħwienet tal-kotba għal siegħat twal, biex mat-tokki ta’ nofsillejl jiksbu l-aħħar edizzjoni tas-serje ta’ kotba Harry Potter and the Cursed Child.
Minkejja li dan mhux ktieb iżda biss skritt ta’ spettaklu li qed jittella’ fit-teatri Ingliżi, l-eċitament tas-segwaċi tas-saħħar, li kiber magħhom għal dawn l-aħħar għoxrin sena, kien ugwalment kbir.
Kien propju fl-istess lejl li ttellgħet l-ewwel produzzjoni tal-ispettaklu fil-Palace Theatre, li għalih attendiet l-awtriċi stess, J.K Rowling.
Il-biljetti għal dan l-ispettaklu huma mibjugħin kollha sa’ Mejju tal-elfejn u sbatax, għalhekk sakemm isibu post, is-segwaċi se jkollhom jikkuntentaw bil-qari.
Il-ktieb ta’ J.K Rowling huwa ambjentat sbatax-il sena wara l-aħħar ktieb, Deathly Hallows, iżda kien biss dan id-dettal li ħareġ sa’ ma beda jinbiegħ uffiċjalment għaliex kollox inżamm mistur sew.
L-aħbar ta’ Harry Potter and the Cursed Child intlaqgħet tajjeb ferm mill-qarrejja hekk kif wara l-aħħar ktieb, lura fl-2007 qalet li l-istorja ta’ Harry Potter intemmet, iżda b’ din il-produzzjoni reġgħet ħadet il-ħajja.