Mill-ġimgħa d-dieħla, se jerġgħu jinfetħu ċ-ċentri reġjonali u dawk speċjalizzati ta’ servizz.gov wara waqfa ta’ xahrejn kawża tal-imxija.
Fi stqarrija ntqal li ċ-ċentri reġjonali eżistenti ta’ servizz.gov li se jinfetħu huma ta’ Ħal Qormi, il-Birgu u l-Qawra.
Servizz.gov qal li ċ-ċentri se jirduppjaw, hekk kif l-Uffiċċji Distrettali tas-Sigurtà Soċjali se jiġu taħt it-tmexxija tal-aġenzija servizz.gov. Dawn huma l-Ħamrun, iż-Żejtun, il-Mosta, Ħaż-Żabbar, iż-Żurrieq, in-Naxxar u l-Fgura.
Il-Ħamrun, iż-Żejtun, il-Mosta, Ħaż-Żabbar, iż-Żurrieq u l-Qawra se jiftħu kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8am sas-2pm u l-Erbgħa filgħaxija mill-4:30pm sas-7p,m.
Ħal Qormi u l-Birgu se jiftħu erba’ darbiet fil-ġimgħa, jiġifieri nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa, il-Ħamis u s-Sibt mit-8am sas-1pm u l-Erbgħa mill-4:30pm sas-7pm, filwaqt li n-Naxxar u l-Fgura se jiftħu nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa mit-8am sa 12pm u l-Erbgħa filgħaxija mill-4:30pm sas-7pm.
Intant ġimagħtejn wara jkomplu jiftħu aktar ċentri, biex b’hekk sal-bidu ta’ Lulju iċ-ċentri ta’ servizz.gov se jkunu ttripplaw.
Servizz.gov qed jibqa’ joffri għajnuna dwar servizzi governattivi permezz tal-mezzi varji tiegħu, fosthom fuq freephone 153, il-one-stop-shop online www.servizz.gov.mt, l-indirizz elettroniku servizz@gov.mt u maltapps, li hija l-mobile app ewlenija li tilqa’ servizzi mill-mobile.