Mill-Erbgħa infetħu ħinijiet ġodda għal żjarat fl-isptar Mater Dei li jirriflettu wkoll ir-rilaxx ta’ miżuri b’rabta mal-pandemija li għaddej mal-pajjiż kollu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar, Celia Falzon, spjegat li mill-Erbgħa, persuni li għandhom qarib rikoverat l-isptar se jkun jista’ jżuruh f’żewġ ħinijiet differenti.
Spjegat, “Il-ħinijiet issa nfetħu bejn il-11:00am u n-12:30pm, u anke mill-5:00pm sas-6:00pm. Hekk anke min ikun irid jgħaddi f’ħin l-ikel jista’ jiġi jqatta’ l-ħin mal-qarib tiegħu.”
Il-ħinijiet riveduti jgħoddu wkoll għall-Ħdud u Festi Pubbliċi.
Kull min jidħol l-isptar għal xi żjara hu obbligat jilbes maskra, iżomm id-distanza soċjali u juża s-sanitizers fuq il-post.
Il-ħinijiet tal-viżti kienu ġew sospiżi fl-aħħar ġimgħat li għadda bħala parti minn sett ta’ miżuri biex titrażżan il-firxa tal-COVID-19 madwar il-gżejjer Maltin.
Falzon spjegat ukoll li minkejja li hu ta’ sodisfazzjon kbir li issa l-pazjenti u l-qraba se jerġgħu jkunu f’kuntatt fiżiku, dan xorta se jkun limitat biex tkun imħarsa saħħet kulħadd.
Qalet, “Bħal dejjem importanti li nibqgħu bir-regola li tidħol pesuna waħda biss. F’dik is-siegħa u nofs tista’ tiġi tara persuna waħda. Il-qraba jridu jiftiehemu bejniethom biex ħadd ma jieħu dawra għalxejn. L-istess fil-ħinijiet ta’ waranofsinhar, persuna waħda tidħol ħdejn il-pazjent.”