Il-jum tal-Ħadd huwa wieħed speċjali għal min jisma’ l-kelma tal-Mulej, u dak tal-lum kien iktar minn oħrajn hekk kif il-knejjes reġgħu fetħu l-bibien tagħhom biex b’miżuri preventivi, bdew jilqgħu n-nies għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies.
Crew ta’ ONE News żar il-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid u tkellem mal-Kappillan, Dun Marc André Camilleri, li tkellem fuq l-importanza li l-quddies issir bin-nies preżenti fil-Knisja.
Huwa qalilna, “Imma ovvjament id-differenza hija differenza enormi għaliex għalina b’mod speċjali niċċelebraw l-Ewkaristija tal-Ħadd u anke bħalissa fi żmien l-Għid iktar u iktar hija l-mod ta’ kif aħna nerġgħu ngħixu dak li għex Ġesu fil-mewt u l-qawmien tiegħu u dak li għexu l-ewwel appostli mill-bidu nhar ta’ Ħadd kienu jiltaqgħu l-Ħadd biex jiċċelebraw l-Ewkaristija flimkien mad-dixxipli u dak li tant martri taw ħajjithom għalih tul is-sekli għaliex hija tant essenzjali li ninġabru flimkien biex niċċelebraw l-Ewkaristija.”
Waqt l-Omelija, il-Kappillan semma kif meta l-knejjes kienu magħluqin, inħass aktar in-nuqqas ta’ Ġesù għaliex in-nies ma kinux preżenti għall-mument tal-Ewkaristija.
Dan ikkonfermawh in-nies infushom, li kienu kuntenti mmens qabel bdiet il-quddies. Huma qalulna:
- “Sodisfatt u ferħan”
- “Ferħana ħafna”
- “Komdu, aħjar il-quddies”
- “Il-Quddiesa dejjem quddiesa nippreferi l-knisja”
- “Aħjar hawnhekk hux”
- “Ferħ kbir”.
Fissrulna d-differenza bejn li jsegwu l-quddies fuq it-televiżjoni għal dik li jisimgħu l-kelma t’Alla fil-knisja:
- “Hekk qiegħda viċin tiegħu u rċevejtu”
- “Għax nkun qiegħda nitkellem ma’ Ġesù iktar speċi qed nagħmel il-parti tiegħi”
- “Iktar għandek ħin hekk, tqatta’ ħin mal-Mulej”
- “Importanti li l-quddiesa ngħixuha bħala komunità u l-iskop tal-quddiesa hija l-għaqda ta’ bejnietna jiġifieri Kristu li huwa wieħed jiġi fina li aħna ħafna u aħna li aħna ħafna nsiru ħaġa waħda permezz ta’ Kristu”.