Produzzjoni Kanadiża għażlet lil pajjiżna għal darba oħra sabiex tiġbed il-film ‘Checking in For Murder’, li se joħroġ fis-swali taċ-ċinema f’Ġunju li ġej.
Ix-xeni qed jinġibdu f’diversi postijiet fil-Belt Valletta.
Il-film għandu budget totali ta’ aktar minn erba’ miljun ewro fejn minnhom, żewġ miljuni u nofs ewro huma budget maħruġ mill-kumpanija Kanadiża biex jintefqu f’pajjiżna.
Wieħed mil-produtturi tal-film qal li rritorna lejn pajjiżna wara li s-sena li għaddiet huwa u t-tim tiegħu kellhom esperjenza tajba ħafna f’pajjżna, fejn spjega li sab għajnuna u koperazzjoni kbira min-naħa tal-Kummissjoni Maltija tal-Films.
Il-Produttur tal-Film, Leif Bristow stqarr: “I feel in love with the country. I feel in love with the crews, the people, the kindness in Malta and the gentle nature of working here is similar to working in Canada, so it was a real treat.”
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega li din hija tieni minn erba’ produzzjonijiet li qed tinħadem f’Malta tul April.
Huwa spjega li f’ din il-produzzjoni, hemm jaħdmu fiha diversi atturi stabbiliti Maltin.
Grech qal, “Fuq din il-produzzjoni Kanadiża, li ukoll għanda producers Maltin, qed naraw ’il fuq minn 90% tal-crew Malti fuq din il-produzzjoni. Kif ukoll hemm madwar 90% tal-cast. Dan jagħmilna kburin.”
Waqt żjara fil-binja tal-Borża ta’ Malta fil-Belt, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li l-industrija tal-films hija kruċjali wkoll għall-industrija tat-turiżmu fi żmien meta Malta qed tħares biex terġa’ tqajjem dan is-settur wara pandemija li tat daqqa enormi lil dan il-qasam.
Qal li l-industrija tal-films kapaċi tiġbed lejn pajjiżna turisti ta’ kwalità minħabba anki l-mod professjonali kif Malta tidher fil-produzzjonijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi.
Il-Ministru Bartolo sostna: “Komplejna nattiraw aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna. Dan kollu ifisser li naħdmu iżjed biex nbidddlu l-mentalità tal-passat ta’ kif in-nies iħarsu lejn l-industrija tal-films.”