Glen Abela ta’ 30 sena residenti Ħad-Dingli nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li lbieraħ ikkaġuna ġrieħ lil ċertu Melvin Debono permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta fil-Marsa.
Abela kien fuq tliet snin probation mogħtija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace 12-il ġurnata ilu wara li kien ammetta li neża għarwien fil-pubbliku u hedded uffiċjal ta’ Transport Malta.
Illum wara nofsinhar quddiem il-Maġisrat Ian Farrugia, l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fost oħrajn li żamm arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija, u kif ukoll li darab ħafif lil Melvin Debono.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Stacey Attard stazzjonata fl-Għassa tar-Rabat, qalet li kien hemm argument fuq flus bejn iż-żewġ partijiet. Hawn, allegatament Glenn Abela ta daqqa ta’ stallet lill-imputat.
L-avukat difensur talab għal-ħelsien mill-arrest, fejn qal li l-unika xhud li hemm hu l-parti l-oħra li mistennija titressaq ukoll. Qal ukoll li l-ħelsien mill-arrest għandu jingħata għax l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu fil-passat ma kinux fuq vjolenza.