Bejjiegħ tal-monti ta’ 35 sena minn Raħal Ġdid li allegatament seraq minn ħanut tal-istationery sebat ijiem wara li ngħata l-libertà kkundizzjonata, reġà spiċċa ġo ċella wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati li seraq ħames arloġġi mingħand stationery fil-lokalità fejn jgħix.
Il-każ seħħ it-Tlieta li għadda, u l-investigaturi qed jeżaminaw filmat elevat minn kameras tas-sigurtà wara li l-kaxxiera tat id-deskrizzjoni tar-raġel fil-ħin tal-allegat serqa.
Fuq id ir-raġel li jidher fil-filmati hemm tattoos, li komplew isaħħu s-suspett tal-Pulizija dwar l-akkużat.
Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda wara li l-Qorti kkunsidrat li l-akkużat ingħata l-libertà f’każi oħra, ġimgħa biss qabel seħħ dan il-każ, u fid-dawl li għad hemm numru ta’ persuni li jridu jixhdu.