Il-Kap tal-Oppożizzjoni nqabad ukoll li ma kellux idea li fil-jiem li ġejjin firxa kbira ta’ nies, fosthom ħaddiema tas-saħħa u għalliema se jieħdu d-doża addizzjonali għall-Covid-19.
Wara l-istqarrija Ministerjali tal-Prim Ministru, fil-Parlament, Bernard Grech spiċċa jsaqsi hekk: “X’pjanijiet madankollu, Prim Ministru, għandu l-Gvern biex iwassal it-tielet booster shot lill-firxa mill-aktar wiesgħa tal-popolazzjoni.”
Hawnhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni nqabad li ma jaf xejn, anki jekk sa ftit tas-sigħat qabel, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne preżenta pjan dettaljat ċar ta’ kif se jkompli t-tilqim bid-doża addizzjonali tal-vaċċin għall-Covid-19.
It-Tnejn filgħaxija, fil-Parlament stess, Chris Fearne spjega li mill-15 ta’ Novembru d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Coronavirus se tibda tingħata lill-ħaddiema tas-saħħa, lill-carers fid-djar tal-anzjani, lill-ispiżjara, lill-għalliema u lil residenti u ħaddiema fi djar residenzjali.
Imbagħad fl-14 ta’ Diċembru, id-doża addizzjonali tibda tingħata lil persuni ta’ bejn is-sittin u s-sebgħin sena, biex b’hekk firxa wiesgħa ta’ nies se jieħdu d-doża addizzjonali sal-aħħar ta’ din is-sena.