Il-mużewwijiet f’Malta kollha ntlaqtu mill-pandemija u kellhom jagħlqu. Dan seħħ sew minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa u sew minħabba n-nuqqas ta’ turisti. Il-mużew storiku tal-Belt Vittoriosa li jinsab fl-Oratorju ta’ San Ġużepp fil-Pjazza tal-Birgu messitu l-istess xorti. Issa wara sentjen li ilu magħluq, dan il-mużew se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku.
Il-mużew jagħmel parti mill-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz Levita Martri u kien twaqqaf fl-1990 bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet biex ifakkru d-900 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Birgu. L-akbar preġju ta’ dan il-mużew parrokkjali huwa li mal-oratorju San Ġużepp jinsab santwarju żgħir u devot dedikat lill-Madonna Damaxxena li kien jappartjiena għall-komunita’ Griega. F’dan il-post hemm esposti t-tifkiriet għeżież tal-Gran Mastru De la Vallette, il-Kappell u x-Xabla tal-Assedju tal-1565.
Kienet is-Soċjeta’ Storiko Kulturali Vittoriosa flimkien tal-Arċipriet u l-Kapitlu li ħarġu bl-ideja biex jitwaqqaf dan il-mużew. Is-Soċjeta’ baqgħet tul is-snin tieħu ħsieb il-mużew u tikordina għadd ta’ voluntiera biex il-mużew jinżamm miftuħ is-sena kollha. Apparti mir-relikwji ta’ De La Vallette fil-mużew hemm għadd ġmielu ta’ oġġetti storiċi, pittura u kotba antiki.
Fiż-żmien li l-mużew kien magħluq saret riorganiżżazzjoni tal-affarijiet esebiti bl-intenzjoni li tinħoloq narrativa tematika biex il-viżitatur ikollu esperjenza personali. Għal dan l-iskop ġew akkwistati fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat taħt l-iskema SiS biex jitwaqqfu madwar il-mużew numru ta’ stands b’informazzjoni storika skont it-temi differenti. Se jitwaqqfu stands simili bl-istess skop madwar il-Knisja ta’ San Lawrenz.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ mill-ġdid tal-mużew se ssir nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Mejju 2022 fis-7.15 pm fl-Oratorju ta’ San Ġużepp u tkun immexxija mill-Arċipriet tal-Birgu, il-W.R. Kan. Carmelo Busuttil, fil-preżenza tas-Sindku tal-Belt Vittoriosa, John Boxall. Se tingħad talba Marjana bir-rit Biżantin fil-Santwarju tal-Madonna Damaxxena mir-Rev. Kan. Onor. Papas Grieg Prof. Martin Zammit. Fil-programm se ssir preżentazzjoni lill-Arċipriet ta’ kopja tal-volum sublimi pubblikat riċentement minn Heritage Malta Swords of the Religion minn Franco Davies, b’fotografija stupenda minn Daniel Cilia, li f’parti minnu jittratta dwar ix-Xabla ta’ De La Vallette li hemm f’dan il-mużew. Il-prezentazzjoni se ssir mill-awtur innifsu.