Stephen Zammit ta’ 46 sena, ingħata sentenza ta’ tmintax-il xahar priġunerija, wara li fil-Qorti ammetta li seraq mobiles u għodda.
Zammit kien mixli li fit-13 ta’ Mejju 2019 seraq xi għodda minn ħanut li jinsab f’Birkirkara.
Apparti minn hekk, huwa kien akkużat ukoll li fid-29 ta’ Lulju tal-istess sena, seraq mobiles u affarijiet oħra, filwaqt li kiser ordni ta’ probation li kien ingħata fl-2017.
L-imputat instab ħati li wettaq iż-żewġ serqiet, iżda ma nstabx ħati li kiser l-ordni ta’ probation.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, qieset li hi kienet diġà trattat għall-ksur tal-ordni ta’ probation u għalhekk ma setgħetx tittratta mal-akkużat għall-istess reati li fuqhom kien diġà ġie kkundannat u skonta 17-il xahar ħabs.
Il-Qorti qieset ukoll li l-imputat ingħata diversi opportunitajiet matul is-snin biex jirrijabilita ruħu, iżda hu naqas milli jagħmel dan.
“Huwa saħansitra lanqas qed jirrikonoxxi li għandu problema ta’ abbuż ta’ droga, li dwarha għandu bżonn jagħmel xi ħaġa”, saħqet il-Maġistrat.
Il-Qorti nnutat ukoll li Zammit ma jridx jerfa’ responsabiltà tal-azzjonijiet tiegħu u ma għandux interess li jirriforma ruħu.
Għaldaqstant, il-Qorti qalet li jkun inutli jekk l-imputat jingħata sentenza biex iwettaq xogħol fil-komunità, għaliex ikun ħela ta’ ħin u riżorsi.
Hija saħqet li l-akkużat għandu bżonn l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Għalhekk, huwa kien ordnat ukoll li jieħu t-trattament saqbiex jegħleb il-vizzju tad-droga, għal tliet snin.