Simon Busuttil għażel li joħroġ għonqu għall-magħżul tiegħu f’Għawdex Chris Said anke jekk ħutu, bħala Sindki, taw mal-139 biċċa xogħol tal-Kunsill Lokali lil ħuhom l-ieħor. Għalhekk, dan l-aġir issa għandu l-barka tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li basta ħareġ dokument li fuq il-karta jgħid li l-Partit Nazzjonalista se joqgħod attent kif jonfoq flus il-poplu u se jara li ma jibbenefikawx il-qraba ta’ min għandu kariga pubblika. Mill-Oppożizzjoni diġà kisirha, qal il-PL.
“M’huwa vera xejn li x-xogħol kollu ngħata abbażi ta’ tenders mill-aħwa għall-aħwa Said. Hemm xogħol li ħu Chris Said (il-kuntrattur) ingħata direttament minn ħu Chris Said (is-Sindku). Meta ngħata xogħol b’tender, kien hemm okkażjonijiet meta l-budget għal tali xogħol ma kienx jippermetti. Agħar minn hekk, oħrajn kienu tenders li ngħataw lil ħu Chris Said (il-kuntrattur) u, wara, x-xogħol tagħhom kien qed jiġi ċċertifikat minn ħu Chris Said (is-Sindku) stess,” kompla jgħid il-Partit Laburista
Il-fatt jibqa li, taħt Charles Said u Edward Said, ħuhom Peter Paul Said ingħata 139 biċċa xogħol mill-Kunsill Lokali tan-Nadur. Issa l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li s-Sindki ma kienux ikunu preżenti fil-laqgħat meta ngħata dan ix-xogħol lil ħuhom l-ieħor. Din l-iskuża ma sserraħ moħħ ħadd.
Fakkar kif l-Awditur Ġenerali wkoll tkellem ċar. “Meta kien responsabbli mill-kunsilli lokali, Chris Said indaħal fejn u għand min imorru l-flus. Interventi mhux f’lokhom, li fi kliem l-Awditur, jikser il-prinċipju tal-governanza. Imma Simon Busuttil jibqa’ jaqbeż għal politiċi elite madwaru, li bħalu jagħmlu parti mill-establishment.̦”
Il-Partit Laburista qal li basta ħareġ dokument li fuq il-karta jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jirrispetta r-rapporti tal-Awditur, jagħti spjegazzjoni lill-Parlament fuq ir-rapporti tal-Awditur, u jagħti aktar poteri lill-Awditur. Mill-Oppożizzjoni diġà kisirha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni se jerġa’ jibqa ċass fuq il-ksur tal-governanza. Wara 25 sena fil-Gvern, Busuttil u l-Partit Nazzjonalista għadu kliem biss fuq il-governanza.