Miżerjament tliet ġimgħat wara li attakka lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, għax dan ħeġġeġ lis-settur privat biex ikun fuq quddiem fit-trasformazzjoni meħtieġa tal-ekonomija lokali, id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia spiċċa jirredikola lilu nnifsu u jgħid l-istess ħaġa identika.
Fil-fatt, f’kitba fuq it-Times ilbieraħ, Caruana Cilia tenna li “fermament jemmen li n-negozji għandhom ikunu fuq quddiem nett ta’ din it-trasformazzjoni”.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta KullĦadd hekk kif fakkret li fid-19 ta’ Settembru li għadda, Caruana Cilia u l-kollega Ivan J. Bartolo, ħarġu stqarrija jisħqu li, bi kliemu, il-Ministru għall-Finanzi kien qed jikkonferma li l-Gvern ħasel idejh mir-responsabbiltà li jiffaċilita l-bidla fl-ekonomija u minflok kien qed jittama li s-settur privat jagħmillu xogħlu.
Issa bil-U-turn fil-ħsieb tiegħu, Caruana Cilia kkonferma biss dak li hu diġà pubblikament magħruf dwaru stess, primarjament in-nuqqas t’għarfien tiegħu fis-suġġett, li wasslu biex jagħżaq diversi drabi biex kompla jirredikola lill-PN.
Il-KullĦadd fakkret ukoll kif bħal dan iż-żmien sena ilu, Caruana Cilia wkoll għaxxaqha bid-Dokument Nazzjonalista ta’ Qabel il-Baġit.
Il-pubblikazzjoni tal-PN qabel il-Baġit kienet miżgħuda bi żbalji grassi, waqt li ħareġ li partijiet sostanzjali minnha kienu litteralment ikkopjati minn dokumenti ppreżentati mill-imsieħba soċjali dak iż-żmien. Fil-fatt, dak iż-żmien kien magħruf sew li d-Dokument Nazzjonalista ta’ Qabel il-Baġit kien sar b’ħafna għaġla u r-riżultat kien biss wieħed ta’ kafkaf, li żgur ma jixhidx xi livell ta’ Oppożizzjoni serja.
Fil-fatt id-dokument Nazzjonalista, li kien ippubblikat miżerjament ftit jiem biss qabel il-preżentazzjoni fil-Parlament tal-Baġit 2023 mill-Ministru għall-Finanzi, kien biss tgħassida sħiħa, tant li l-midja indipendenti kienet spiċċat tiddeskrivih bħala “mess”, waqt li Bernard Grech kien ukoll ikkritikat li lanqas hu ma kien jaf eżatt x’fih.
Minbarra hekk, l-istess dokument kien ikkritikat li għandu lingwaġġ infantili li huwa inkoerenti, mimli żbalji, minn żbalji tal-kitba għal kostruzzjoni ħażina tas-sentenzi u wkoll ripetizzjonijiet ta’ miżuri proposti.
Dak iż-żmien ukoll, il-PN kien qed jaħseb li jagħmel numru ta’ konferenzi tal-aħbarijiet biex joqgħod jitkellem dwar dan id-dokument, iżda spiċċa biex ma għamel xejn. ONE News kien żvela li l-PN bidel il-pjani tiegħu wara li ħareġ li dan kien dokument mimli żbalji.
Id-dokument ta’ Caruana Cilia kien ħoloq anke konfużjoni u skumdità kbira fost id-deputati tal-Partit. Mitlubin mill-ġurnalisti biex jispjegaw iżjed dwar dak miktub fid-dokument, deputati ma kinux kapaċi u rreferew biss li fil-jiem ta’ wara kienu se jispjegaw, xi ħaġa li qatt ma mmaterjalizzat.
Din is-sena wkoll għad m’hemmx ħjiel meta se jitressaq tali dokument mill-Oppożizzjoni, anke jekk għadd ta’ esponenti tal-imsieħba soċjali issa ilhom numru ta’ jiem li ressqu proposti relatati tagħhom f’dokumenti voluminużi li ġew ippubblikati u ppreżentati lill-Gvern.