Il-knisja l-antika tal-Fgura marret lura għall-epoka ta’ meta Sidna Ġesu’ Kristu ta ħajtu għalina l-Insara.
Jum il-Ġimgħa l-Kbira qed joffri l-aħħar ċans lill-pubbliku – speċjalment dawk li jħobbu ż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa – biex ipaxxi għajnejh bl-esebizzjoni “Jerfa’ Dnubietna” fi Triq il-Karmelitani fil-Fgura.
Din l-esebizzjoni qed tittella’ mill-Kummissjoni Festa Esterna 16 ta’ Lulju Fgura bl-għajnuna tal-familja Bezzina.
Il-preparamenti għaliha bdew wara l-Milied, għalkemm l-ideat kienu ilhom iberrnu fl-imħuħ tal-membri u l-organizzaturi.
L-esebizzjoni fil-Fgura tikkonsisti f’xenarji b’ figuri lifesize li juru episodji mill-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Din is-sena hemm xena ġdida li turi lil Kristu fl-ort tal-Ġetsemani. Il-figuri huma xogħol l-artist James Azzopardi.
Bħas-snin preċedenti, xi membri ppreparaw platti magħmulin mill-ismid. Dawn ix-xogħlijiet, li jirrikjedu ħafna paċenzja u dedikazzjoni, qed jiġu esebiti fuq mejda tal-appostli li ntramat għall-ewwel darba din is-sena. Din is-sena wkoll hemm xogħlijiet tal-artist Kevin Grech.
Qed titfakkar ukoll il-memorja tal-mibki artis Renzo Gauci.
Hemm ukoll sett ta’ vari tal-iskultur magħruf Alfred Massa kif ukoll artal minjatura armat għall-festa tal-Għid. Ma jonqosx ukoll l-element tal-arti sagra antika, sezzjoni mfittxija sew mid-dilettanti, b’ oġġetti li jmorru lura għas-seklu dsatax.
Min jixtieq jattendu għandu l-aħħar ċans hekk kif il-wirja tagħlaq illum fin-12:30.