Żvolta importanti fil-każ tal-qtil ta’ Pelin Kaya fil-bidu tas-sena li għaddiet, hekk kif fil-Qorti t-Tnejn filgħodu Jeremie Camilleri, li ġie identifikat bħala Malti-Franċiż minn Ħal Lija u li ġie akkużat b’dan l-omiċidju kiesaħ u biered, ammetta li qatel liż-żagħżugħa Torka li kienet għadha kemm għalqet 30 sena.
Il-każ, li kien ixxokkja l-pajjiż, seħħ fit-18 ta’ Jannar għall-ħabta tas-1:00 ta’ filgħodu fi Triq Testaferrata fil-Gżira, meta Camilleri baqa’ dieħel bil-karozza fuq il-vittma u kaxkarha. Aktar tard ġie kkonfermat li Camilleri kien taħt l-influwenza tal-alkoħol u l-kokaina.
F’seduti preċedenti, Camilleri kien wieġeb mhux ħati għal dan il-qtil, iżda meta t-Tnejn ġie mistoqsi mill-Maġistrat Rachel Montebello fl-awla hu ammetta ħtijietu.
Avukat tad-Difiża qal kif dan l-iżvilupp seħħ wara li ntlaħaq patteġġjament bejn il-partijiet kollha kkonċernati, inkluż mal-qraba tal-vittma. Dan ifisser li l-Prosekuzzjoni u d-Difiża qablu wkoll dwar is-sentenza li għandha tiġi rrakkomandata u li mistennija tingħata mill-Qorti fiż-żmien li ġej.
L-akkużat saħansitra jista’ jeħel sa għomru l-ħabs.
Camilleri, li għandu 34 sena, kien ġie arrestat mill-Pulizija wara li l-ewwel deher minn filmati dieħel b’saħħa kbira bil-karozza ta’ tip BMW f’pompa tal-petrol, imbagħad, f’ħanut tal-ikel, fejn il-vittma mietet fuq il-post. Hi kienet għadha kif iċċelebrat għeluq sninha.
Kif jixhdu wkoll filmati, u anke kif ġie spjegat mill-Prosekuzzjoni fil-Qorti, l-istess akkużat ħareġ mill-karozza u beda jwaddab il-ġebel mit-tifrik lejn il-vittma li kienet mejta fl-art, waqt li aggredixxa wkoll persuni oħrajn li nzertaw preżenti fl-akkwati.
Hu kien irreżista l-arrest u l-Pulizija, li waslu fuq il-post, kellhom jużaw it-taser gun biex irażżnuh.
F’Malta kienu ġew il-qraba tal-vittma, fejn wara li l-akkużat kien tressaq quddiem il-ġustizzja għall-ewwel darba, fuq l-għatba tal-Qorti kienu qalu kif “Pelin kienet tfajla intelliġenti u kellha ħafna ambizzjonijiet.”
Il-familja tal-vittma, li hi mwielda Istanbul, it-Turkija kienet irringrazzjat lill-poplu Malti, lill-Pulizija li aġixxew b’ħeffa u effiċjenza, u lill-Ambaxxata Torka f’pajjiżna.
Fl-ewwel reazzjoni tagħha fuq il-midja soċjali, oħt Pelin Kaya, Derya Kaya, iddeskriviet lil Camilleri, bħala “qattiel”.
Kaya kienet ilha tgħix f’pajjiżna għal bosta xhur u kienet taħdem bħala interior designer ma’ kumpanija Maltija tal-għamara.
L-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali, Nathaniel Falzon u Kaylie Bonnett, flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods mexxew il-Prosekuzzjoni.
Il-familja tal-vittma ġiet irrappreżentata fil-Qorti mill-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard.
Dan filwaqt li l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qed imexxu d-Difiża.
Proprju ftit mumenti wara li seħħ dan l-iżvilupp, ONE News ħa r-reazzjoni tal-Avukat Charlon Gouder.