Mil-lum, tfal minn għaxar snin ’il fuq sa anzjani, jistgħu jieħdu sehem f’kompetizzjoni online li tħeġġeġ l-użu tal-prodotti lokali fir-riċetti.
Il-kompetizzjoni “Sajjar Frisk u Lokali” titlob lil min jipparteċipa biex juża prodotti friski Maltin fl-ikel li jsajjar.
Il-parteċipanti għandhom itellgħu ritratti jew filmati tagħhom jixtru l-ikel Malti, il-lista tal-ingredjenti u l-proċess tat-tisjir.
L-aqwa għaxar platti bl-aktar ammont ta’ likes minn fuq il-paġna ta’ facebook Agrikoltura, imorru quddiem il-ġurija biex jintagħżlu r-rebbieħa.
Riċetti li jużaw prodotti ta’ barra jkunu mill-ewwel skwalifikati.
Il-kompetizzjoni tibqa’ għaddejja sas-sebgħa ta’ Jannar u hemm erba’ kategoriji skont l-età.
L-ewwel waħda għal tfal ta’ bejn l-għaxar snin u s-sittax-il sena, li jridu jtellgħu l-filmati mal-ġenituri tagħhom, żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u l-ħamsa u tletin sena, adulti ta’ bejn is-sitta u tletin u sittin sena, u anzjani li għandhom aktar minn sittin sena.
Waqt it-tnedija ta’ din il-kampanja, il-kok Byron Zarb kien qed isajjar riċetta tipika Maltija.
Qal, “Illum għandi l-braġjoli hawnhekk, hija xi ħaġa li tista’ tagħmel faċli d-dar, din hija riċetta antika tan-nanna tiegħi. Għandi z-zalzett tal-Malti, il-bacon, il-bajd, inqatta’ kollox, naqra turistin, ċanga, dawwar kollox u aqli. Inżidha bil-kappar u naqra karfus u basal, kemm jista’ jkun nuża l-prodotti kollha Maltin anki z-zalza ħamra.”
Huwa spjega l-importanza tal-użu tal-prodotti lokali fit-tisjir.
Spjega, “Li għandek dejjem aħjar bil-prodott Malti, qed tieħdu frisk. Il-ġurnata ta’ qabel, dan mar il-biċċerija u fi żmien ġurnata qiegħed għandek fil-kċina jiġifieri int ħa ssajjar prodott frisk. Ta’ barra anki jekk ikun frisk, ġiek minn barra jiġifieri għandek it-triq biex mar il-fabbrika, mill-fabbrika ġie hawn Malta, minn Malta ġiek id-dar allura ara t-tul ta’ żmien qabel ġie għandek il-prodott.”
Il-Ministru Anton Refalo qal li b’din il-kampanja, il-konsumatur qed jiġi mgħejjun jagħmel għażliet aktar sostenibbli, in-negozji jiġu mħeġġa jersqu aktar lejn is-sostenibilità u l-produtturi wkoll jitgħallmu jħaddnu prattiċi sostenibbli.
Qal, “Qegħdin inħejju, kif diġà ħabbarna, il-politika nazzjonali dwar l-ikel u għalhekk qegħdin nagħmlu dil-kompetizzjoni għaliex importanti li nsaħħu l-katina tal-ikel f’pajjiżna u għalhekk għamilna dil-kompetizzjoni biex iktar il-pubbliku jkun aware kemm hu importanti li inti ssajjar il-prodott frisk u bnin u għalhekk il-prodott Malti u Għawdxi.”