Ilbieraħ u llum attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent qed iqassmu flyers b’informazzjoni dwar Manoel Island u l-imġieba skandaluża tal-MIDI. Dan qed isir waqt “l-open day” tal-Forti Manoel.
Fi stqarrija, l-Kamp Emerġenza Ambjent qalu li qed jaraw ir-rabja tan-nies għall-pjanijiet tal-MIDI li Manoel Island jinbidel fi spazju kummerċjali b’żewġ hotels ġewwa il-Forti Manoel u l-Lazzarett, vilel, kasinò, helipad, ħwienet u puntun għall-water taxis.
Intant ilbieraħ ħabbarna li l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, fuq talba tal-Friends of Manoel Island, se jkun qiegħed jinvestiga permezz ta’ kumitat parlamentari, dokument “nieqes” fir-rekords tal-parlament, tal-kuntratt bejn il-MIDI u l-Gvern. Il-grupp qal li skopra “dokument importanti” b’rabta mal-kuntratt bejn il-MIDI u l-Gvern li huwa nieqes mir-rekords Parlamentari.