Jekk tinstab ħati ta’ pedofelija, tkun kastrat bil-kimika fl-Indoneżja.
Il-President tal-Indoneżja Joko Widodo stqarr li l-pedofelija f’pajjiżu tista’ tkun eradikata darba għal dejjem, wara li aktar kmieni dan ix-xahar għaddiet liġi li tippermetti lill-awtoritajiet jikkastraw bil-kimika lil min ikun pedoflu.
Filwaqt li nsista li pajjiżu jirrispetta d-drittijiet umani, mhux se jkun hemm kompromess fejn jidħlu dawn l-atti kriminali sesswali.
Hija liġi li kienet soġġetta għal dibattitu jaħraq ħafna fil-Parlament. L-Assoċjazzjoni Indoneżjana tat-Tobba qalet li l-membri tagħha mhux se jkunu nvoluti fil-proċess ta’ kastrazzjoni, għax imur kontra l-etika.
Iżda riċerka ħafifa turi li l-kastrazzjoni kimika intużat f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa. Tinvolvi l-amministrazzjoni ta’ kimika permezz ta’ siringa, li tnaqqas b’mod sinnifikanti l-aptit għas-sess. Jista’ jkun ukoll proċess riversibbi.