“L-istaff għandu jintbgħat id-dar jekk it-temperatura tkun iżjed minn 30°C.”
Il-Membru Parlamentari Ingliża Linda Riordan qed taħdem favur liġi li titlob lil min iħaddem jibgħat l-istaff tiegħu d-dar jekk it-temperatura fuq il-post tax-xogħol tkun iżjed minn 30°C.
Żgur li temp simili għal dak ta’ Malta ma tantx insibuh f’pajjiżi bħall-Ingilterra, iżda jidher li t-temperaturi bħalissa qed jilħqu saħansitra il- 32°C.
Dan wassal lil grupp ta’ Membri Parlamentari biex iressqu proposta ta’ liġi li titlob lil min iħaddem jibgħat l-istaff tiegħu d-dar meta l-pajjiż ikollu dan it-temp. Din il-proposta tressqet f’mozzjoni fil-Parlament, li hija appoġjata minn 17-il membru Parlamentari.
Din il-mozzjoni twissi li jekk il-ħaddiema jitħallew fuq il-post tax-xogħol f’dawn it-temperaturi jew l-istudenti jitħallew wara l-bank tal-iskola, jista’ jwassal għal effetti serji fuq is-saħħa taċ-ċittadini.
Huma sjegaw kif il-konsegwenzi ta’ dawn it-temperaturi jistgħu jirriżultaw fi stress u uġigħ ta’ ras kif ukoll ħsara fil-pulmun u l-qalb. Riordan sostniet li dawn it-temperaturi jnaqqsu l-attenzjoni fuq il-post tax-xogħol u jistgħu saħansitra jwasslu għall-mewt.
Bla dubju, kieku dan kellu jsir f’Malta fil-maġġoranza tal-ġranet ngawdu s-Sajf u ma nersqux lejn il-post tax-xogħol.