Il-Ministru Helena Dalli qalet li fi żmien fejn ix-xiri minn fuq l-internet qed ikompli jiżdied, il-konsumaturi għandhom ikunu jafu bil-mezzi ta’ rimedju differenti li jeżistu li jipproteġu l-interessi tagħhom.
“Mezzi ta’ rimedju li huma effettivi huma ta’ benefiċċju għas-suq, għall-konsumaturi, kif ukoll għall-kummerċjanti,” qalet Dr Dalli.
Dan qalitu fil-ftuħ ta’ konferenza li trattat mezzi ta’ rimedju għall-konsumaturi organizzata miċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur.
Il-Ministru enfasizzat l-importanza li l-konsumaturi jżommu ruħhom infurmati bid-drittijiet tagħhom skont il-liġi.
Fissret kif meta konsumaturi jfittxu u jieħdu rimedju, tiżdied il-fiduċja f’dawk il-kummerċjanti li huma onesti u li jfittxu li jimplimentaw u jadottaw miżuri li huma consumer friendly u li jagħtu lill-konsumaturi valur għal flushom.
Il-Ministru Dalli qalet li permezz ta’ ħolqa ta’ 30 ċentru Ewropew tal-konsumatur madwar l-Ewropa kollha inkluż f’Malta, tingħata għajnuna u assistenza lill-konsumaturi Ewropej f’każ ta’ problemi ma’ kummerċjanti f’pajjiżi differenti madwar l-Unjoni Ewropea.
Meta rreferiet għall-iStrateġija tas-Suq Waħdieni Diġitali, Dalli qalet li permezz ta’ din l-istrateġija, il-kummerċjanti għandu jkollhom opportunitajiet akbar u anqas restrizzjonijiet biex joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom onlajn.
Iċ-Chair tal-MCCAA Helga Pizzuto spjegat li l-Uffiċċju tal-Konsumatur mhux biss jara li l-operaturi fis-suq josservaw il-liġijiet u li jkollhom prattiċi kummerċjali ġusti, imma jservi wkoll bħala mezz ta’ rimedju fejn il-konsumatur jista’ jressaq l-ilment tiegħu, u minn hemm issir il-medjazzjoni mal-kummerċjant.
Hija qalet li meta l-medjazzjoni ma tkunx ta’ suċċess, il-konsumatur għandu rimedju ieħor fejn ikollu ċ-ċans li jwassal l-ilment tiegħu quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur.
Qalet li dan l-uffiċċju jagħti wkoll għajnuna lill-bejjiegħa biex ikunu jafu l-obbligi tagħhom u jaqdu b’mod ġust lill-konsumaturi. Fl-istess ħin, l-MCCAA bdiet tippremja anke lil dawk il-kummerċjanti li qed joffru servizz tajjeb u jħabirku biex titjieb ir-relazzjoni bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti.