Nirriċikla għall-Istrina, din hija kampanja bl-għan li jinġabru flus għall-Community Chest Fund. Kull ma trid tagħmel huwa li żżom tappijiet tal-plastik u teħodhom fl-iktar skola viċin jew fi stabbilimenti oħra li għandhom it-tabella ta’ Nirriċikla għall-Istrina madwar Malta u Għawdex.
Is-sitt edizzjoni ta’ din il-kampanja qed issir b’kolaborazzjoni mal-Uffiċju tal-President ta’ Malta u GreenPak. Fl-2015, inġabru aktar minn 11-il miljun tapp tal-plastik li jammontaw għal donazzjoni ta’ €17,000.
Il-parteċipazzjoni tiegħek f’din il-kampanja tfisser għajnuna għal dawk l-aktar fil-bżonn.
In-negozji ukoll għandhom sehem importanti f’din il-kampanja. Il-GreenPak spjegat li meta ristoranti, lukandi, klabbs u stabbilimenti oħra jkunu ġabru numru sostanzjali ta’ tappijiet tal-plastik, GreenPak se tkun qed toffri s-servizzi tagħha sabiex dawn it-tappijiet jinġabru għar-riċiklaġġ.
Dak l-istabbiliment li jiġbor l-akbar numru ta’ tappijiet tal-plastik se jkun qed jingħata trofew mill-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca. Filwaqt li l-parteċipanti kollha se jingħataw ċertifikat.