L-għajbien tas-sottomarin Titan ġibed l-attenzjoni tad-dinja, tant li fuq fomm kulħadd hemm l-ispekulazzjonijiet dwar x’seta’ seħħ minnu flimkien mal-ħamest irġiel li kien hemm fih.
ONE News tkellem mal-Professur tal-Arkeoloġija Marittima li mar fuq numru ta’ missjonijiet submersible kemm f’Malta u anke barra minn Malta, Timmy Gambin.
Qal, “Biex torganizza proġett kbir bħal tniżżel submersible ta’ aktar minn erba’ kilometri taħt il-baħar, il-loġistika hija kbira mma l-ewwel ħaġa li wieħed irid jara hija l-kwalità tas-sottomarin li qed jużaw fil-proġett.”
Spjega kif il-komunità ta’ nies jew azjendi li jibnu sottomarini li jinżlu f’dak il-fond hija żgħira ħafna u jridu jsegwu ċertu standards.
Qal, “Il-komunità ta’ nies jew azjendi li jibnu sottomarini li jinżlu f’dak il-fond hija żgħira iżda hemm ċertu standards li biex tbigħ submarine jew anke tikri hemm ċertu standards li wieħed irid jużahom u jimplimentahom u sfortunatament mill-aħħar affarijiet li ħerġin, dan is-sottomarin ta’ din l-azjenda li kienet tniżżel persuni fuq it-Titanic, lanqas kellha ċertifikazzjoni ta’ sigurtà.”
Meta mistoqsi dwar x’jaħseb li seta’ seħħ u jekk jaqbilx mal-vjaġġi li kien imur fuqhom is-submersible Titan, il-Professur Gambin spjega kif hu jemmen li filwaqt li wieħed għandu jagħmel esperimenti biex tavvanza x-xjenza, din m’għandiex issir għad-detriment tal-ħajja ta’ ħaddieħor.
Qal, “Meta James Cameron bena s-sottomarin tiegħu biex jikser ir-rekord”, niżel waħdu taħtu il-baħar ġifieri dan kien responsabbli biżżejjed hekk kif għaraf il-periklu li kien hemm. Ma nemminx li xi ħadd li bena xi ħaġa tant esperimentali għandu jniżżel lin-nies speċjalment tifel ta’ 19-il sena li għandu ħajtu quddiemu f’sottomarin li lanqas għandu ċertifikazzjoni.”
Mistoqsi dwar kif il-każ innifsu, Profs. Gambin spjega kif jekk seħħ dak li qed jintqal, jiġifieri l-implużjoni katastrofika, din damet biss ftit millisekondi, tant li dawk abbord qas kellhom ċans jindunaw jew jirreaġixxu għal dak li kien se jseħħ.