Nhar il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 t’Awwissu Akane Takada, Meaghan Grace Hinkis, Romany Pajdak, Leticia Stock, Kevin Emerton, Benjamin Ella u David Donnelly, żeffiena mill-kumpanija ta’ żfin ta’ fama mondjali Royal Ballet ta’ Londra, ser ikunu qegħdin itellgħu produzzjoni ġdida ANNO fuq koreografija ta’ Royal Ballet First Artist Erico Montes fi Pjazza Teatru Rjal.
Imwieled São Paulo, Montes studja ż-żfin fil-Brazil sal-2002 meta mar Londra sabiex ikompli l-istudji tiegħu fil-London Studio Centre. Fl-2003 rebaħ midalja tad-deheb f’kompetizzjoni taż-żfin f’Rieti, l-Italja, u sussegwentement ingħata borża ta’ studju sabiex ikompli jipperfezzjona fir-Royal Ballet School. Montes jaħdem ħafna wkoll bħala koreografu u kkrea diversi xogħolijiet fosthom għal Linbury Studio Theatre.
Fl-istorja relattivament qasira tiegħu minn mindu reġa nfetaħ f’Awwissu 2013, Pjazza Teatru Rjal bena reputazzjoni impressjonanti għal avvenimenti ta’ żfin u ballet. Fost dawn insibu eżekuzzjonijijiet minn Ballet d’Europe u Żfin Malta (f’aktar minn okkażżjoni waħda), Ballet Boyz, iż-żeffiena u koreografa Antonia Franceschi (li bosta jiftakru bħala waħda miż-żeffiena prinċipali ta’ Fame u Grease), żeffiena mit-Teatru Bolshoi kif ukoll numru ta’ kumpaniji ta’ żfin lokali u internazzjonali bħal Diciembre Dance Group, Cienfeugos Danza u Alegría Dance Company fost oħrajn.
Iż-żewġ serati ser jittellgħu ġewwa Pjazza Teatru Rjal u jibdew fid-21:00h. Studenti, anzjani u familji jistgħu jibbenefikaw minn skontijiet speċjali fuq il-biljetti. Għal aktar informazzjoni żur www.pjazzateatrurjal.com