Studju li riċentament ġi ppubblikat fl-Istati Uniti wera li persuni li jimxu dieta li ma tillimitax il-konsum tal-karboidrati għandhom iktar ċans għal ħajja twila.Dieti b’karboidrati baxxi qed isiru dejjem iktar popolari biex wieħed inaqqas mill-piż jew biex jitnaqqas ir-riskju tal-mard. Iżda studju mill-Istati Uniti li ilu għaddej għal dawn l-aħħar 25 sena, wera kif konsum moderat tal- karboidrati, jew li wieħed jiekol proteini u xaħmijiet li ġejjin mill-pjanti, ikun qed jagħmel iktar ġid għal saħħtu.
L-istudju, li kien ippubblikat fl-aħħar jiem fil-Lancet Public Health, sar fuq 15,400 persuna li nnutaw l-ammont ta’ karboidrati li kelu.
Minn dan, ix-xjentisti stmaw il-proporzjon ta’ kaloriji li ġew minn karboidrati, xaħmijiet u proteini.
Wara li segwew il-grupp għal medja ta’ 25 sena, ir-riċerkaturi sabu li dawk li kisbu 50-55% tal-enerġija tagħhom minn karboidrati kellhom riskju iżgħar ta’ mewt meta mqabbla ma’ persuni li jillimitaw l-ammont ta’ karboidrati li jieklu, jew, min-naħa l-oħra, li jieklu wisq karboidrati.
Il-karboidrati jinkludu ħxejjex, frott u zokkor iżda s-sors ewlieni tagħhom huwa r-ross, l-għaġin, il-patata, u ċ-ċereali.