Fi Spazju Kreattiv fil-Belt se titella’ l-ewwel Malta Film Conversation bejn it-Tnejn 9 ta’ Settembru u s-Sibt 14 ta’ Settembru. L-ewwel tliet ijiem ta’ din l-attività se tiffoka fuq master classes dwar il-kitba għat-televiżjoni u l-films indirizzati minn John Collee, awtur li fi żmienu rebaħ diversi Oscars.
Fl-aħħar erbat iljieli tal-attività se jkun qed jintwera film differenti kul lejl li se jkun soġġett għal analiżi u diskussjoni mill-parteċipanti.
F’intervista ma’ ONE News, Mario Azzopardi, wieħed mill-organizzaturi, qal li l-films li se jintwerew huma: Hotel Mumbai, A Clockword Orange, Pulp Fiction u Silhoutte. L-aħħar film li se jintwera huwa film Malti, li sar bid-direzzjoni ta’ Mark Doneo.
Il-Kritiku tal-films, Mario Azzopardi qalilna li “Aħna se nuru film assoċjat ma’ mistieden li se jkollna u wara li naraw il-film se jsir konversazzjoni, għalhekk Malta Film Conversation, mal-iscript writer jew l-atturi illi nkunu qegħdin nuru l-films tagħhom”.
Kull min se jattendi se jkollu l-opportunità li jiddiskuti l-qasam taċ-ċinema lokali u internazzjonali wkoll ma’ Malcolm McDowell u Harvey Keitel, żewġ atturi li bħalissa jinsabu pajjiżna b’rabta għall-ġbid tal-produzzjoni lokali Storbju. Fil-fatt, permezz ta’ dan kollu se nsiru nafu aħjar lil Keitel, li huwa magħruf għal kif iddomina l-aħħar xena tal-film Pulp Fiction.
Hu tennna li “Il-mod kif jiddominah, il-personalità tiegħu tiddominah il-film. Huwa interessanti għaliex biex tiddomina film mhux bilfors trid tkun tidher mill-bidu sal-aħħar, imma anke bi ftit xeni. U dak se jkun punt importanti, imma tajjeb li nitkellmu miegħu ukoll dwar il-karriera tiegħu għaliex huwa ħadem diversi films li huma interessanti ħafna”.
Mario Azzopardi temm jgħid li l-ewwel Malta Film Conversation titfa’ aktar dawl fuq is-settur tal-films.
Azzopardi temm jgħid: “U meta inti għandek industrija tat-televiżjoni, industrija tal-films qed tikber daqshekk, il-Gvern qed jagħtiha daqshekk importanza, qed jinvesti miljuni kbar f’din l-industrija. Tajjeb li nibdew nieħdu dawn l-opportunitajiet”.
Dawn il-Masterclass qed jiġu organizzati mid-Diretoratt għall-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Għolja Awstraljana f’Malta, l-Awtoritá tax-Xandir, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Malta Film Commission.