“Jekk taraw lilna jew Pulizija f’dan il-maltemp u toffrulna kafè tkunu qed tagħmlu opra ta’ karità”. Dan kien il-messaġġ ta’ ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili li qasam l-esperjenza tiegħu wara 27 siegħa ta’ ħidma fil-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin.
F’messaġġ li poġġa fuq Facebook, dan il-ħaddiem spjega kif il-lejl kien wieħed tal-biża’ bil-ħsarat li ra qatt ma rah matul ħajtu. Spjega kif hu flimkien mal-kollegi tiegħu lanqas kellhom ċans jirdsu l-għatba tal-istazzjon biex jieħdu ħames minuti pawża aħseb u ara biex jieħdu bela’ kafè.
Hu qal kif hu flimkien mal-kollegi tiegħu tax-shift ħarġu fuq 34 sejħa, bin-numru jiżboq il-mijiet, b’riħ b’qawwa ta’ ċiklun jagħti f’wiċċhom flimkien ma’ xita u silġ.
Fil-messaġġ hu appella lil kull min jara lil xi ħadd għaddej bil-ħidma tiegħu, fosthom Pulizija, membri tal-armata, u kif ukoll mis-servizz tal-ambulanza biex jagħmlu opra ta’ karità u jofrulhom bela’ kafè.
Hu kompla b’appell ieħor fejn qal kif ħadd m’għandu joħroġ jekk ma jkunx bżonn urġenti u jekk xorta se joħorġu biex jinġabru d-dar kmieni.