Jekk il-Partit Laburista jingħata l-fiduċja tal-poplu nhar is-Sibt li ġej, din l-istess fiduċja se jroddha lura f’pajjiż u poplu magħqud.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne meta ndirizza r-Rally il-Ħadd waranofsinhar fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Chris Fearne qal li f’Malta m’għandniex firdiet kbar bħal f’pajjiżi oħra, bħal dawk ta’ reliġjon jew razez, u allura rridu niddibattu u niddiskutu l-argumenti politiċi fi spirtu ta’ għaqda lejn pajjiż b’futur aħjar.
Qal, “Nhar is-Sibt li ġej, ikun xi jkun ir-riżultat, għandu mhux jirbaħ l-individwu jew partit imma għandha tirbaħ Malta kollha. Għandha tirbaħ Malta kollha għax aħna kollha Maltin, Malta tagħna, u jekk tagħtuna l-fiduċja nhar is-Sibt li ġej, aħna ħa nagħtu Gvern tal-Maltin kollha.”
Chris Fearne qal li biex tmexxi pajjiż trid tkun responsabbli, dixxiplinat u lest biex taħdem bla waqfien.
B’dan il-mod tfasslu l-elf proposta tal-Partit Laburista biex ikomplu jtejbu l-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin.
Hawnhekk id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista qal li kulħadd, fil-kwiet ta’ daru, jista’ jagħżel min kapaċi jwettaq dak li qed iwiegħed.
Imbagħad hemm ukoll l-aspett tal-kompetenza.
Qal, “Meta naqqassna t-taxxi, meta żammejna l-prezz tal-fjuwil u tad-dawl baxx, meta neħħejna l-out of stock, meta għamilna ċ-childcare b’xejn, meta żidna l-pensjonijiet, konna kompetenti? Iva jew le? Meta l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li Malta kienet champion fil-pandemija, meta l-Unjoni Ewropea qed tgħid li Malta ħa jkollha l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomika, konna kompetenti, iva jew le?”
Id-Deputat Prim Ministru fakkar kif meta sentejn ilu saret l-elezzjoni għall-Mexxej tal-Partit Laburista, mill-għada stess kien spalla ma’ spalla ma’ Robert Abela.
Bl-istess mod, sa mill-għada tal-elezzjoni ġenerali s-Sibt li ġej, wiegħed pajjiż magħqud u ffukat fuq aktar ħidma fl-interess tal-familji u n-negozji kollha f’pajjiżna.