Fi stqarrija Gozo Channel Operations Limited sostniet li wara tilwima industrijali bejn il-kumpanija u l-unjin, Union Ħaddiema Magħqudin, wasslet biex ilbieraħ il-UĦM tat direttiva lill-membri tagħha, fosthom direttiva biex ma jsirux vjaġġi żejda li mhumiex parti mill-ħinijiet tal-kumpanija. Din id-direttiv daħlet fis-seħħ f’nofsillejl tal-lum fejn minħabba f’hekk jaf kien hemm min kellu jistenna aktar mis-soltu biex jaqbad il-vapur ta’ Għawdex.
In-nuqqas ta’ progress fin-negozjati mal-UĦM kienet waħda ċara dan wara li l-istess unjin għamlet talbiet straordinarji għal żieda b’rabta man-negozjati għal pakkett finanzjarju ġdid għas-Seaborne Officers li jaħdmu mal-kumpanija.
Wara t-talba li għamlet l-unjin, l-uffiċjali mid-Dipartiment ta’ Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg sejħu għal laqgħa ta’ konċilazzjoni bejn il-kumpanija u l-UĦM fejn ġie miftihem fit-2 ta’ Mejju li l-kumpanija tippreżenta pakkett finanzjarju ġdid għall-impjegati tas-seaborne kollha f’perjodu ta’ jumejn.
Kien għalekk li l-kumpanija għamlet proposta li jkun hemm żieda fis-salarji skont il-grad ikkonċernat. Wara li ftit minuti ġiet sottomessa l-proposta, il-UĦM infurmat lill-kumpanija bid-direttivi li se tkun qed tagħti lill-membri tagħha li huma ħaddiema mal-kumpanija.
Id-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi pprova jagħmel it-tieni laqgħa ta’ konċiljazzjoni, li għal din l-Unjoni ċaħdet li ssir.
Għal dan il-kumpanija skużat ruħha mal-persuni li ntlaqtu minn din id-direttiva, fejn se tkun qed tipprova mill-ġdid tiftaħ id-diskussjonijiet mal-unjin sabiex din is-sitwazzjoni terġa’ tiġi lura għan-normal.