Il-Festi ta’ Santa Marija jimmarkaw il-quċċata fil-kalendarju tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan għaliex mistennija jgħaddu aktar minn 185,000 passiġġiera sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
B’hekk l-Ajruport qed jipprepara għall-influss qawwi li mistenni jilħaq il-quċċata tiegħu fil-15 ta’ Awwissu. B’kollox ser ikun hemm 182 tlugħ u nżul skedati għal dakinhar.
F’temp ta’ siegħa mistennija jgħaddu aktar minn elf passiġġier fl-aktar ħinijiet impenjattivi għall-ajruport.
Għalhekk, kull min ser isiefer tul dawn il-jiem b’mod speċjali fil-15 t’Awwissu huwa mitlub li jasal l-Ajruport minn tal-inqas sagħtejn qabel.
Kull passiġġier issa jista’ jagħmel użu minn seating area ġdida tal-ajruport fejn wieħed ikun jista’ jistrieħ qabel it-titjira tiegħu.
Dawk in-nies li ser jivjaġġaw mal-linji tal-ajru; Lufthansa, Aegean Airlines, SAS Airlines, Turkish Airlines, British
Airways jew Qatar Airways, jistgħu jagħmlu użu minn self-check in desks u b’hekk ikunu jistgħu jaqbżu l-kju.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikun qed joffri sorpriżi għall-passiġġieri ta’ kull età b’mod speċjali għall-40,000 tifel u tifla li ser ikunu passiġġieri tul dawn il-jiem. Dan filwaqt li ta’ kuljum fis-sala tat-tluq ser jitqassmu pastizzi, ġelati, luminati fost ħafna affarijiet oħrajn.