Liquigas Malta qed tintroduċi siġilli ġodda tat-tip heat shrink fuq iċ-ċilindri kollha ħodor u sofor minn Ottubru 2016.
Matul ix-xahar ta’ Ottubru, id-distributuri tal-gass ser ikollhom disponibbli ċilindri mgħammra kemm bis-siġilli l-ġodda kif dawk kurrenti, imma mill-1 ta’ Novembru 2016, iċ-ċilindri kollha ta’ Liquigas ser ikollhom is-siġill il-ġdid kulur aħdar ċar bil-kliem “Liquigas” mitkubin fuqu.
Dan is-siġill il-ġdid jindika li ċ-ċilindru imtela fil-faċilità tal-kumpanija f’Bengħajsa. B’dawn is-siġilli l-ġodda klijenti jkollhom is-serħan tal-moħħ li ċ-ċilindri imtlew skont l-istandards internazzjonali adottati minn Liquigas.
Il-klijenti qed ikunu mħeġġa biex jiċċekjaw li s-siġill hu intatt u mhux imbagħbas biex b’hekk ikun żgurat li qed jirċievu ċilindru mimli kif suppost bi kwalità tajba ta’ gass.
Is-siġilli għandhom serial number uniku għall-fini ta’ identifikazzjoni u traċċabilità. Dawn is-siġilli ser iservu biex jiddiferenzjaw iċ-ċilindri ħodor u sofor ta’ Liquigas minn cilindri oħra.