L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed javża lill-passiġġieri tiegħu li, fil-ġimgħat li ġejjin, il- proċessi taċ-check-in u tal-iskrining tas-sigurtà jistgħu jieħdu aktar ħin, hekk kif il-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tal-ajruport ser jidħol f’fażi ġdida.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, li nbdew f’Settembru, issa ser ikunu qed isiru fiż-żoni li jintużaw l- aktar mill-passiġġieri fil-binja tat-terminal u huma mistennijin li jkollhom xi impatti sat-Tnejn 27 ta’ Marzu.
Il-passiġġieri, għalhekk, qed jiġu mħeġġin li jaslu t-terminal tal-anqas sagħtejn u nofs qabel il-ħin tat- tluq tat-titjira tagħhom, sabiex ikollhom biżżejjed ħin biex jagħmlu ċ-check-in u jgħaddu miż-żona tas-sigurtà, minkejja li l-kjuwijiet f’dawn iż-żewġ punti jistgħu jkunu itwal mis-soltu.
Jista’ jkun ukoll li l-passiġġieri jintalbu jagħmlu użu minn passaġġi alternattivi sabiex jaslu fiż-żona tat-tluq.
Is-CEO tal-MIA Alan Borg qal: “Il-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tat-terminal, li ser itejjeb l-esperjenza tal-passiġġieri fl-MIA sinifikattivament, huwa miexi skont l-iskeda tax-xogħlijiet.”
“Għalkemm aħna ħadna kull miżura possibbli sabiex dawn ix-xogħlijiet ma jiskomodawx lill- passiġġieri, element ta’ inkonvenjent huwa, sfortunatament, inevitabbli u għalhekk nixtiequ nirrigrazzjaw lill-passiġġieri tagħna tal-kooperazzjoni tagħhom f’dan iż-żmien.”
Sabiex jitnaqqas l-impatt viżiv tax-xogħlijiet, l-MIA trasforma partijiet mill-hoarding li qed jintuża biex jingħalqu ċerti sezzjonijiet tat-terminal fejn qed isir ix-xogħol fi spazju artistiku.
Tlettax-il artist lokali ntgħażlu biex jesebixxu xogħlijiet li jiċċelebraw il-gżejjer Maltin, li jvarjaw minn pitturi u ritratti sa disinji grafiċi u poeżiji.
Il-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tat-terminal, li jinkludi titjib fil-faċilitajiet, huwa mistenni li jitlesta s-sena d-dieħla.
Jekk ser tivvjaġġja fil-jiem li ġejjin u għandek xi mistoqsijiet jew teħtieġ xi assistenza speċjali, ikkuntattja lit-tim tagħna permezz ta’ email fuq info@maltairport.com.