Nhar is-Sibt, 20 ta’ Mejju, se tiġi organizzata ‘Recruitment Open Day’ għal dawk kollha li huma interessati li jingħaqdu bħala kuntistabbli fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
Dawk interessati jistgħu jaslu wasla sal-Kumpless tar-Rapid Intervention Unit (RIU) / Special Intervention Unit (SIU), f’Ta’ Kandja, bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar, fejn wieħed jista’ isir jaf aktar dwar ix-xogħol tal-pulizija.
Waqt l-open day se jkun hemm uffiċjali mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani li se jkunu qegħdin iwieġbu għal domandi li jistgħu jsiru, kif ukoll se tingħata informazzjoni dwar il-proċess tar-reklutaġġ, il-benefiċċji li wieħed ikun membru fil-Korp tal-Pulizija, kif ukoll informazzjoni dwar it-taħriġ li jingħata, kemm waqt ir-reklutaġġ kif ukoll tul il-karriera fil-Korp tal-Pulizija.
Dawk li se jattendu se jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ uffiċjali minn diversi taqsimiet, fosthom mill-RIU, SIU, K9, Mounted, traffiku, Pulizija għall-Komunità, Cyber Crime u mill-Laboratorju tax-Xjenza Forensika.
Wieħed jista’ wkoll jipprova apparat relatat max-xogħol tal-Pulizija, fosthom il-firearm simulator u anke jippruvaw t-Test Fiżiku li jsir bħala parti mir-rekwiżiti biex wieħed jingaġġa bħala rekluta.