- Stħarriġ fost ħaddiema Maltin
97% tal-ħaddiema jibqgħu jaħdmu wara l-ħin tax-xogħol. 95% minnhom iħarsu lejn l-imejl tax-xogħol waqt tmiem il-ġimgħa u 82% tal-ħaddiema Maltin jaraw l-imejl tax-xogħol waqt il-ħin tal-familja jew waqt vaganza. Dan irriżulta minn stħarriġ imwettaq mis-sezzjoni taż-żagħżażgħ tal-Konfederazzjoni tat-Trejd Unjins Maltin, FOR U.M.
L-istħarriġ bl-isem “The Right to Disconnect”, sar bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena u kien l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ politika li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-era diġitali tal-lum. L-informazzjoni nġabret minn kwestjonarju onlajn immirat għall-membri tat-Trejd Unjin fi ħdan il- FOR U.M, fejn ħadu sehem 562 persuna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Ċerpersin tas-sezzjoni taż-Żgħażagħ ta’ FOR U.M, Graham Sansone, qal kif “qabel ma kien hawn l-internet, persuna meta titlaq mix-xogħol ikun wasal il-ħin ta’ mistrieħ u l-ħin tal-familja, dan għax ikun il-bogħod mill-post tax-xogħol. Iżda, minn meta l-istess ħaddiema ngħataw iċ-ċans li jiċċekjaw l-imejls fuq il-mowbajl, saret xi ħaġa normali li persuni huma mistennija jirrispondu l-imejls anke wara l-ħin tax-xogħol. Dan jikkonfermah dan l-istħarriġ.”
Hu sostna kif “The Right to Disconnect” hi kampanja li qed issir bil-għan li turi lill-impjegaturi, organizzazzjonijiet u kumpaniji ma jistgħux jippretendu lill-ħaddiema tagħhom jirrispondu l-imejls tax-xogħol meta jkunu waqt il-jum ta’ rilassament tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan il-FOR U.M qed ipproponiet liġi fejn il-kumpaniji jkollhom jiggarantixxu “Right to Disconnect” lill-ħaddiema tagħhom. Dan ifisser li organizzazzjonijiet ikollhom jagħmlu numru uffiċjali ta’ ħin ta’ ħidma u jassiguraw li l-ħaddiema mhux qed jiġu sforzati li jirrispondu l-imejls wara dan il-ħin.
B’reazzjoni għal dak li ntqal, il-Viċi President ta’ FOR U.M, Chris Attard, qal li ħaddiem jirrispondi għal imejls tax-xogħol wara l-ħin stipulat qed jiġi vizzju ta’ bosta minn madwar id-dinja u li din il-problema għandha tiġi indirizzata.