Il-kandidat Nazzjonalista Dione Borg, li m’ilux ġie kkonfermat biex jerġa’ joħroġ fl-elezzjoni wara li ma telax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019, issa fisser intervent b’kontenut vjolenti bħala tajjeb li jkollna minnhom għax huma umoristiċi.
Fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista kien hemm intervent b’kontenut vjolenti fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela.
Semmiegħa: “Issa nixtieq ngħid lill-Bobby illi miegħu ma jinsiex iġib it-tarka. Però t-tarka jilbisa f’wiċċu għax l-ewwel daqqa ta’ ponn imnieħru ntajjarlu.”
Dione Borg: “Ħa nkompli ndaħħal iktar opinjonijiet. Dawn ikunu kummenti umoristiċi ovvjament. Tajjeb li jkollna ftit umoriżmu wkoll.”
Id-dikjarazzjoni tal-kandidat Nazzjonalista li m’ilux qal li l-pajjiż għaġġel fid-dħul ta’ drittijiet ċivili għall-koppji tal-istess sess, kien wieħed ċar fejn saħaq li tajjeb li jkollna ftit umoriżmu.
Dan kollu jsegwi dak li ntqal ftit ilu wkoll fuq il-midja Nazzjonalista fejn Simon Cassar, li jaħdem fl-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Kap Bernard Grech, laqa’ suġġeriment biex jiġi ġġamjat it-traffiku.
Preżentatur: “Eħe, qed jgħiduli hemm ħafna telefonati, imma ovvjament mhux se jirnexxielna ndaħħluhom kollha, aktar ma żżommu fil-qosor aktar aħjar. Insellmulek.”
Semmiegħ: “Joe mis-Swatar. Ħa ngħidlek waħda, jiena nagħti parir li niġġamjaw it-traffic, għax dik darba għamilnieha l-Marsa u rnexxiet kienet. Bellahnihom meta żammejna t-traffic.”
Preżentatur: “Grazzi Sinjur tas-suġġeriment tiegħek.”
Għal dan l-aġir, id-Deputat Nazzjonalista David Agius, ma ddejjaq xejn jgħidilna li ġieli għamel l-istess.
Ġurnalist: “Ċempel fuq ir-radju tal-PN u qal li ssuġġerixxa li Malta għandhom joħorġu n-nies fit-toroq u jiġġamjaw it-traffiku apposta u l-preżentatur laqa’ dan is-suġġeriment ukoll, mhux ħsara, imma, din?!”
David Agius: “Ġieli għamiltha jien ukoll.”