Hemm diversi elementi li wieħed irid jinnota qabel jagħmel xi xogħol fid-dar, bħal xogħol ta’ tindif jew manutenzjoni.
L-età u s-saħħa fiżika jistaw jikkawżaw riskji. Jekk ma tħossokx komdu tagħmel ċertu xogħol, għandek tkun ċert li taf x’qed tagħmel, u fuq kollox tanalizza r-riskji u tieħu azzjoni qabel u waqt li tkun qiegħed tagħmel xi attività ta’ xogħol.
Dawn kienu l-pariri ta’ Mario Camilleri, konsulent fis-saħħa u sigurtà. Jgħidu li wara, kulħadd għaref, u hekk hu. Madanakollu bil-pariri ta’ esperti forsi dak li jkun jirrifletti fuq inċidenti bħal dak li seħħ ilbieraħ fil-Mellieħa.
Fi kliem l-espert: “Mingħajr ma nidħol fil-liġi tas-saħħa u sigurtà, għandek tifhem u taċċetta li ħajjitna hija imdawwra mir-riskji u huwa dover u dritt ta’ kull persuna li tingħata informazzjoni u taħriġ. Imma mhux neċessarjament post tax-xogħol jista’ jkollu periklu għas-saħħa tagħna. Il-periklu ssibu anke fit-toroq, fir-residenzi u fil-postijiet sportivi u rekreattivi.
Il-parir hu biex qabel tagħmel biċċa xogħol, dur dawra madwarek u għamel riflessjoni, kemm mill-aspett fiżiku tiegħek personali u anke dawk li jkunu miegħek, speċjalment jekk ser isir xogħol fil-għoli.
Xogħol fl-għoli jirrekjedi pozizzjoni fejn il-ġisem ma jkunx komdu, per eżempju ħafna ħin rasek l-isfel. Hemm għandek tibdil fil-pressjoni.
Għandek tara li ma jkun hemm l-ebda sitwazzjoni jew possibiltà li taqa’ mill-għoli billi tarma ilquħ adekwat fejn hu possibbli. Jekk ma jkunx hemm, ilbes safety harness, li jeħtieġ tahrig speċifiku għax jehtieg teknika.
Meta tara xi persuna li qiegħed jahdem bil-possibiltà li jweġġa’ għandek l-ewwel ħaġa ssib il-ħin propizzju ta’ meta għandek tiġbidlu l-attenzjoni, wara kollox għal gid tiegħu, u jekk jinjorak għandek tiehu ritratt, idħol fil-pagna ta faċebook OHSA Malta, ibgħat messaġġ bl-isem tat-triq jew indirizz sħiħ flimkien mar-ritratt u l-ispetturi tal-OHSA jieħdu l-passi neċessarji.
Il-kultura tagħna hija maqsuma fuq tliet ġenerazzjonijiet.
Dik tal-lum fejn l-esperjenza ta’ snin ta’ ħidma hija diffiċli biex tbiddel għaċ-ċirkustanzi moderni tal-lum, dawk li bdew fid-dinja tax-xogħol u li għad iridu aktar taħrig u supervizjon u finalment it-tfal li jattendu li skejjel fejn iridu jiġu preparati sewwa fil-ħajja dwar saħħa u sigurtà.”