Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal illejla fil-Parliament li t-traffiku qed jiswa lill-ekonomija Maltija €200 miljun mill-Prodott Gross Nazzjonali fis-sena u wissa li jekk ma jkunx hemm bidliet fil-policies preżenti, sas-sena 2050, dan se jisplodi għal €1.2 biljun.
Meta tkellem fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi dwar li jimplimenta l-miżuri tal-estimi, il-ministru Mizzi ċaħad kategorikament allegazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista li l-Gvern kien se jintroduċi tariff minħabba l-konġestjoni jew taxxa fuq il-parkeġġ.
Huwa qal li hu ċar li s-soluzzjoni biex il-problema tat-traffiku tonqos hija f’li jonqsu l-karozzi privati fit-toroq. Il-miżuri msemmija fl-estimi tal-2017 ikomplu jgħinu għax hemm inċentivi fiskali ta’ €50,000 għall-kumpaniji li jipprovdu trasport lill-impjegati tagħhom biex imorru għax-xogħol. Barra minn hekk, żgħażagħ li jagħlqu 18-il sena se jivvjaġġaw b’xejn fuq it-trasport pubbliku.
Huwa qal li l-Kummissjoni Ewropea approvat in-National Transport Strategy 2050 u t-Transport Master Plan 2025. Huwa kkundanna lill-Oppożizzjoni li ma ħaditx sehem fil-konsultazzjoni pubblika, iżda rringrazzja lill-membri parlamentari Nazzjonalist li bagħtu kummenti b’mod individwali.
Semma li dawn il-pjani identifikaw soluzzjonijiet, fosthom erbgħa kbar b’investiment ta’ €386 miljun: flyovers fil-Kappara, Aldo Moro, u l-Addolorata, u mina fi Triq Regjonali.
Dwar it-trasport pubbliku, il-Ministru Mizzi qal li s-servizz huwa 99% tajjeb u l-karozzi qed jaslu fil-post, f’95% tal-każi, fi żmien 10 minuti mill-ħin tal-iskeda.
Minn meta Autobuses de Leon bdew is-servizz fl-2015, kien hemm żieda ta’ 15% fl-ammont ta’ passiġġieri. Is-sena l-oħra 43 miljun passiġġier għamlu użu mit-trasport pubbliku.