Jekk ma jkunux il-ħaddiema ma jsir xejn. Kien b’dan il-mod li Sherwin Debono irrifletta fuq ix-xogħol li rrikjeda l-bini tas-sett ta’ Gladiator II, f’pajjiżna.
Fil-fatt, ma’ Debono, li kien l-assistent maniġer tal-kostruzzjoni tas-sett ta’ dan il-film, tkellimna ftit jiem wara li kumpanija responsabbli mill-produzzjoni, Paramount Pictures nediet it-trailer uffiċjali.
Hu spjegalna kif kien f’Jannar ta’ sena ilu meta beda x-xogħol tal-kostruzzjoni b’rabta ma’ dan is-sett li ra mal-mitejn u ħamsin ħaddiem ġejjin minn snajja differenti jaħdmu fuqu.
“L-ewwel sett li nbena huwa t-tempju li qiegħed warajja imbagħad mit-tempju qbiżna għall-arkata, fl-istess żmien mal-arkata kellna l-Palazz Imperjali, l-colinade, il-palazz l-ieħor, l-arkata l-oħra l-antika u xi kmamar.”
Debono sostna kif l-elementi naturali huma fost l-akbar sfida, dan għaliex it-temp jista’ jħarbat l-mod ta’ kif ikun qed jipproċedi x-xogħol, filwaqt li dejjem tkun trid tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf.
Madanakollu x-xogħol preparatorju jkun beda minn ferm qabel, minn naħa tal-produtturi tal-film.
“Aħna nistennew mingħand id-dipartiment tal-arti l-ewwel li jagħmel id-disinnji, jgħaddu d-drawing lilna u aħna minn karta nagħmluh sett. Il-ħaddiema, li hemm mastrudaxxi żebbiegħa, plasterers, ħaddieda, skulturi. Ovvjament kulħadd ikollu l-biċċa tiegħu u ntellgħu s-sett.”
Imbagħad, wara li jkun lest ix-xogħol tal-kostruzzjoni, jibda dak tas-set dressers li jagħmlu l-aħħar irtokki fuq is-sett mibni qabel tibda tinġibed ix-xena partikolari.
Meta mistoqsi dwar x’inhi r-reazzjoni tiegħu, meta jara xogħolu u xogħol kollegi oħra fuq l-iskrin taċ-ċinema, Debono weġibna hekk.
“Lanqas tista’ tispjegah għax meta tara l-kapaċità tan-nies, bażikament jekk ma jkunux huma dawn in-nies ma jsir xejn. Ovvjament bejn is-settijiet li nagħmlu aħna u forsi dak in-naqra editing. Fuq dan mhux naqra hemm mhux ħażin. Hemm naqra qabża, hemm affarijiet differenti però kif għidtlek, mingħajr dawn in-nies ma jsirx il-film, il-kompjuter mhux kollox.”
Debono temm jistqarr magħna li għalkemm in-natura ta’ dan ix-xogħol hi waħda partikolari, xorta waħda jinsab ottimist li pajjiżna jattira aktar films filwaqt li jkollu l-opportunità li jaħdem ma’ kumpaniji differenti li jiġu minn barra biex jużaw il-faċilitajiet li hu mogħni bihom pajjiżna.