“Ninsabu fi gwerra siekta, l-għadu ma nafuhx, dik hija r-realtà tal-pandemija li qed ngħixu bħalissa u għaldsqstant il-Gvern Malti ħa deċiżjoni fiċ-ċirkostanzi preżenti”.
Waqt il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ ONE News, il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar u tkellem dwar tliet deċiżjonijiet bla preċedent li ttieħdu b’mod unanimu mill-Kabinett b’rabta mal-immigrazzjoni sabiex saħħet il-poplu Malti u Għawdxi tiġi salvagwardjata.
Qal li dak li l-Unjoni Ewropea offriet issarfet biss f’solidarjetà u simpatija u l-istess qed jagħmel il-Gvern Malti.
“Mal-Unjoni Ewropea nibqgħu nagħmlu l-abbokkamenti biex jgħinuna, jekk jibqgħu ma jgħinuniex allura jkollna niddefendu l-pożizzjoni tagħna u niddefendu x-xtut tagħna.”
Fuq dan l-istazzjon, il-Prim Ministru spjega kif fit-3 t’April il-Gvern ikkomunika mal-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi u qalilhom b’mod ċar li l-persuni li jsalvaw huma jridu jittieħdu fil-pajjiż li tiegħu l-bastiment itajjar il-bandiera.
Saħaq li imbagħad kellek sitwazzjonijiet partikolari fejn għandek dgħajjes li ma jtajrux bandiera ta’ pajjiż u għalhekk dawn bdew jitilqu mil-Libja mgħobbija bin-nies.
“Il-ħafna li rnexxielna nżommu dak in-nies ma jafuhomx u nifhimha però nassigura lil kulħadd li l-kwantità ta’ dgħajjes li rnexxielna nżommu u hawnekk bilfors irrid insellem lill-Forzi Armati tagħna partikolarment lill-Brigadier Jeffrey Curmi kif ukoll il-Forzi Armati kollha tad-dedikazzjoni. Aħna qed naħdmu lejl u nhar.”
Il-Prim Ministru fisser ukoll deċiżjoni importanti li ħa l-Gvern, dik li jikkomunika anki mal-Unjoni Ewropea li l-portijiet tagħna ma joffrux port sigur u riżultat ta’ dan mhux se jiddaħħlu aktar immigranti u l-Gvern Malti ma jistax jiggarantixxi salvataġġ ta’ immigranti f’dawn iċ-ċirkostanzi preżenti.
Dr. Robert Abela saħaq li l-awtoritajiet se jibqgħu jissorveljaw ix-xtutna u spjega kif kienet dgħajsa waħda li rnexxielha tidħol fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ pajjiżna u għalhekk din biss kienet eċċezzjoni li daħlet.
“B’eċċezzjoni ta’ din id-dgħajsa biss, din id-dgħajsa ladarba qiegħda fl-area tagħna diġà tidħol, dgħajjes oħrajn il-pożizzjoni tagħna hija li ma nistgħux niggarantixxu s-salvataġġ tagħhom. Id-deċiżjoni ġiet komunikata, kulħadd jaf biha. Illum ma hemmx skużi dwarha.”
Il-Prim Ministru spjega l-miżuri ta’ prekawzjonijiet li ttieħdu għad-dgħajsa partikolari li ddaħħlet.
“Meta għandek is-saħħa tal-poplu li tista’ tiġi ppreġudikata, hemm ikollok tipprijirotizza. Anke fuq id-dgħajsa li daħlet għamilna s-salvagwardji. Kull persuna ġiet ittestjata, swabbjata għal COVID 19. It-tieni, li tpoġġew f’iżolament, u t-tielet li se jinżammu f’detenzjoni.”
Filwaqt li għadda messaġġ ta’ kuraġġ għall-poplu Malti u Għawdxi, il-Prim Ministru Robert Abela għalaq b’appell importanti sabiex negħlbu ma ndumux din il-pandemija.
“Ġejjin ġimagħtejn kruċjali, make or break. Mhux se nomgħod kliemi. Jekk se nkunu dixxiplinati ħafna se noħorġu mill-perjodu malajr kemm jista’ jkun. Jekk se nillaxkaw, se ndumu nkaxkru u ma jiġux esklużi miżuri riġidi. Jekk irridu mmorru lejn dik id-direzzjoni, dal-weekend kulħadd għandu jmur fil-bajjiet u jiġri barra. Ir-reazzjoni tiegħi nhar it-Tnejn se tkun li nżid il-miżuri.”