Jekk l-Oppożizzjoni ma jkollhiex koerenza, ikollna problema ta’ governanza demokratika fil-pajjiż. Il-Gvern għandu bżonn Oppożizzjoni li tikkritikah b’mod koerenti waqt li tippreżenta l-alternattivi tagħha, qal il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant fuq SMASH TV.
“Illum għandna problema għax għandna Oppożizzjoni dgħajfa u maqsuma għal raġunijiet evidenti. Il-PN jinħass demoralizzat u mhux koerenti ma’ dak li jgħid. Dik tinkwetani ħafna lili. Jekk inħarsu lejn l-istorja ta’ Malta mill-Indipendenza ’l hawn, il-PN – anke jekk ma kontx taqbel miegħu – kien koerenti fi żmien Borg Olivier u fi żmien Fenech Adami.”
Alfred Sant qal li meta ġie lura Malta fl-1977 kien innota team ġdid taħt Eddie Fenech Adami b’nies abbli bħal Louis Galea, Guido Demarco, Ugo Mifsud Bonnici u Ċensu Tabone. Illum ma jidhirx li teżisti dik it-tip ta’ rankatura min-naħa tan-nazzjonalisti. Lil hinn mill-problema ta’ koerenza, il-PN għandu problema ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani.
“Wieħed jistaqsi għaliex? Tgħid dan minħabba li tant hawn tkabbir ekonomiku li individwi ta’ ħila qed jippreferu jieħdu vantaġġ miċ-ċirkostanzi preżenti għal raġunijiet ekonomiċi u soċjali milli jagħmlu karriera politika fi ħdan il-PN?” staqsa Alfred Sant.