Jekk int xi wieħed jew waħda minn dawk li f’dawn ix-xhur se tkun qed tgħid is-signor si jew qed tippjana għas-snin li ġejjin, jaf aħjar tħassar kollox.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, qed tgħid li ma tridx diskors fuq żwieġ sakemm fuq l-aġenda tad-diskussjoni għad hemm il-Panama. Xhieda oħra ta’ kemm għall-Partit Nazzjonalista l-ewwel hemm biss l-interess partiġġjan u xejn aktar.
Kif irrapportajna f’artiklu separat Roberta Metsola kienet mistiedna fuq il-programm Dissett fejn saritilha domanda sempliċi.
Qalulha jekk taqbilx maż-żwieġ bejn persuni LGBTI u hi qalet LE. Nirrepeti. Il-mistoqsija kienet ċara, dik jekk taqbilx maż-żwieġ u mhux jekk taħsibx li wasal iż-żmien ta’ diskussjoni. Metsola wieġbet Le. U t-tweġiba tagħha ntlaqgħet b’ħafna kritika minn persuni li jaħdmu favur is-settur tad-drittijiet ċivili.
Il-LE tagħha hi daqqa ta’ ħarta kbira f’wiċċ din komunità li għamlet snin tokrob biex wara snin twal maqbuda fl-għanqbut tal-passat, Malta għarfet lil uliedha kollha bl-istess mod. Għarfet is-sinjali ta’ żminijiet u waqfet tħares lejn uliedha bħala tal-ewwel u tat-tieni klassi.
Dalgħodu dlonk pruvat tirtira biċċa u qalet li hi favur id-drittijiet għall-persuni LGBTI (anke jekk ma qalitx li hi favur iż-żwieġ). Iżda, qalet li ma tridx li xi ħaġa ttellef mill-Panama.
Xi ħaġa li fakkritna f’dak li ġara ftit tal-ġimgħat ilu meta l-Prim Ministru kien mistoqsi dwar is-suġġett. Dakinhar koppja li gawdiet mid-dritt tal-Unjoni Ċivili talbitu opinjoni dwar iż-żwieġ bejn persuni gay u qal li hu jaqbel mal-bidla.
Dakinhar dlonk ħareġ Simon Busuttil. Qal li la l-Unjoni Ċivili hija kważi żwieġ il-PN jaqbel u issa l-poplu kellu jitkellem dwar Panama Papers. Għax hekk kien jinteressah. Eventwalment irriżulta li mhux talli l-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx talli Busuttil ma lissinx kelma oħra dwar is-suġġett sakemm ma kienx mistoqsi u meta kien mistoqsi qal li jrid jiddiskuti internament.
Dan wara li qal li l-PN kien favur. Issa kixfitu Metsola, li ħafna jriduha kap warajh, li għalissa LE il-PN ma jaqbilx. Peró biex in-nies jitkellmu fuq il-Panama, Busuttil tratta nies umani bl-aktar mod opportunist.
Għaliex il-ħajja tan-nies ma tieqafx mal-partiġġjaniżmu ta’ Simon Busuttil. Jekk hu jrid jitkellem dwar il-Panama biss in-nies qed jgħixu ħajjithom.
Għalhekk ma naqblux mal-parir ta’ Roberta. Tal-inqas jekk kont se tiżżewweġ, iżżewweġ u għal qamar il-għasel mur sal-Panama.