Jekk jippermetti t-temp, għada se nixgħelu s-sema b’nar tal-ajru mill-isbaħ u li għalih ilna naħdmu xhur sħaħ. Kliem bosta voluntieri tal-Għaqda tan-Nar tax-Xagħra, Għawdex, waqt il-preparazzjonijiet għal wieħed mill-akbar spettakli tan-nar li jsiru f’pajjiżna.
Ix-Xagħra hi waħda mill-erba’ parroċċi f’pajjiżna li bħalissa qed jiċċelebraw it-twelid ta’ Marija Bambina.
L-ispettaklu, bl-isem ‘The Night of Victory’, ilu jsir mill-2005 u kien l-ewwel spettaklu piromużikali f’Għawdex.
Il-ħarqa, li ssir permezz tal-Pyro Digit Fireing System minn fuq l-Għolja tan-Nuffara, se tkun sikronizzata mal-mużika u se tinkludi blalen kbar, beraq u kulur, beraq pront u murtali tal-kulur, fost l-oħrajn.
ONE News tkellem ma’ Karol Spiteri, wieħed mill-voluntieri, li qalilna kif it-temp jista’ jisfratta ġimgħat ta’ ħidma għad-dilettanti tal-festi.
“Dejjem sibna kontribut u għalhekk dejjem kellna spettakli sbieħ u nħabbtuha ma’ oħrajn kbar f’Għawdex. Din is-sena kellna qalbna maqtugħa minħabba t-temp, nimxu ġurnata b’ġurnata, jekk ma jirnexxix immexxuh jumejn wara jew meta jkun possibbli.”
Ara: