Jekk il-Lilu King jiġi estradit lejn il-Libja jista’ jiġi ttorturat jew saħansitra maqtul.
Dan qaluh it-tliet avukati tal-Lilu King, waqt li kompliet il-kumpilazzjoni fil-kontront tiegħu llum.
Mohamed Ali Ahmed Elmushraty qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus, evażjoni tat-taxxa u parteċipazzjoni fi gruppi ta’ kriminalità organizzata. Dan flimkien ma’ ksur tal-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti u sewqan mingħajr liċenzja.
Fil-Qorti ntqal li l-Libja qed tippjana li titlob l-estradizzjoni tal-Lilu King biex jiffaċċja akkużi serji, fosthom qtil, traffikar tad-droga u sustanzi illegali, u għax kien membru fi gruppi perikolużi.
Dokumenti mibgħuta mill-Interpol ta’ Tripli komplew isostnu din it-talba. Iżda l-avukati ta’ Elmushraty ressqu nota quddiem il-Qorti li tgħid li mhux biss ma kienx hemm garanzija ta’ proċess ġust fil-konfront tiegħu iżda jekk jintbagħat lura l-Libja se jiġi ttorturat jew maqtul.
Irrimarkaw li Elmushraty kien ingħata status ta’ refuġjat f’Malta proprju għax kien ippersegwitat fil-Libja.
L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb iffirmaw din in-nota.