Fi sforz biex il-Korp ikun dejjem aktar viċin in-nies, bosta uffiċjali qed iżidu r-rondi fit-toroq u jinżlu qalb in-nies minflok joqogħdu fl-għasses.
Madanakollu dan ma jfissirx li jekk wieħed isib għassa magħluqa, ma jistax jagħmel rapport, għaliex biswit diversi għases f’pajjiżna qed jiġu installati intercoms.
Is-Supretendent Mario Haber spjega li b’sempliċiment għafsa ta’ buttuna, wieħed jista’ jaqbad direttament mad-Depot.
Qal, “L-intercomp huwa bħall-intercomp tad-dar, sempliċi, kemm tagħfaslu l-buttuna u persuna oħra mill-Control Room ġewwa l-Furjana, jirrispondi u jara x’inhu r-rapport u jassessja jekk għandux jibgħat Pulizija fuq il-post jew inkella jagħtix direzzjoni lil min qed jagħmel ir-rapport biex imur f’għassa aktar qrib.”
Quddiem l-għassa tal-Mellieħa, l-ewwel lokalità li fiha ġie ntrodott il-kunċett tal-Pulizija fil-komunità, is-Supretendent spjega li permezz ta’ dawn l-intercomps, wieħed jista’ jagħmel kuntatt dirett mal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Spjega, “Hemm ċertu rapporti li per eżempju jkun hemm bżonn ta’ iktar informazzjoni mill-persuna, ikunu jew sensittivi jew ta’ xi reati kbar, allura dawk jiġu directed biex imorru fl-għases prinċipali ħalli jagħtu l-informazzjoni, però hemm rapporti oħra, jaf bniedem li jkun għadu kif ra inċident tat-traffiku fil-viċinanzi, jaf li hawn għassa fil-viċin, waqaf, ċempel id-Depot biex jgħidilhom li hemm dak l-accident, mid-Depot isir l-assessment biex jintbagħtu l-Pulizija fuq il-post.”
Is-Supretendent qal li dawn l-intercoms, li jinsabu f’lokalitajiet meqjusa żgħar bħaċ-Ċirkewwa, l-Għadira u San Pawl il-Baħar, qegħdin jintużaw, imma huwa tajjeb li tinxtered il-kelma biex aktar nies ikunu konxji ta’ dan is-servizz.
Qal, “Nemmen li ntużaw però n-nies hemm bżonn isiru jafu iktar bihom dawn biex jintużaw iktar għall-ġid ta’ kulħadd.”