Fi stqarrija, il-Gvern ippubblika l-abbozz ta’ liġi li jrid jemenda l-kundizzjonijiet marbuta mal-kisba tad-divorzju.
Fil-liġi tad-divorzju l-ġdida, il-Gvern qiegħed jipproponi li fejn il-partijiet ikunu diġà separati legalment, jiġifieri b’sentenza tal-Qorti jew b’kuntratt, m’għandu jkun hemm l-ebda perjodu ta’ żmien ta’ stennija sabiex persuna tkun tista’ tagħmel talba għad-divorzju.
Min-naħa l-oħra, fejn il-partijiet ikunu biss separati de facto, u t-talba għal divorzju ssir miż-żewġ partijiet flimkien, l-istess partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sitt xhur mis-sena preċedenti.
Fejn, iżda, it-talba ssir minn parti waħda kontra l-oħra, il-partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sena mis-sentejn preċedenti.
Qed ikun propost ukoll li għall-ewwel darba jkun hemm distinzjoni fil-perjodi ta’ żmien għat-tressiq ta’ talbiet għal divorzju li jsiru b’mod konġunt u dawk li jsiru b’mod unilaterali, minn persuni li mhumiex separati legalment.
Il-liġi proposta tagħmel distinzjoni fit-termini ta’ żmien ta’ stennija għall-kisba tad-divorzju, bejn koppji li diġà jkunu separati legalment, u dawk li ma jkunux għadhom jgħixu flimkien bħala koppja miżżewġa.
Il-Gvern irrimarka li l-Prim Ministru Robert Abela sema’ u aġixxa fuq ir-realtajiet li kienu qed jiffaċċjaw persuni li jiġu bżonn din il-liġi.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis tenna li l-bidliet hekk kif proposti mhux biss huma naturali u gradwali, wara kważi għaxar snin mid-dħul tad-divorzju f’Malta bħala dritt ċivili, iżda huma wkoll bidliet neċessarji, li jirrispettaw il-ħajja privata tal-familji.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, li fil-jum tal-Erbgħa ressqet l-abbozz ta’ liġi għall-ewwel qari fil-Parlament wara li ġie approvat mill-Kabinett, qalet li dawn l-emendi jirriflettu l-ħtiġijiet soċjali tal-lum, u jimxu lil hinn mill-forzi konservattivi li, fl-2011, daħħlu fil-liġijiet ta’ Malta sistema ta’ divorzju riġida li tħalli lill-Maltin u lill-Għawdxin f’limbu, għall-perjodu twil ta’ żmien, qabel ma jkunu jistgħu jibdew ħajja ġdida.