Id-Direttorat għar-Riċerka, Tagħlim Tul il-Ħajja u Innovazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol inawgura l-programm ta’ korsijiet ta’ tagħlim li jibdew f’Ottubru 2017. Bejn it-12 ta’ Lulju u l-4 ta’ Awwissu d-Direttorat se jkun qed jilqa’ l-applikazzjonijiet għal madwar 458 kors tal-adulti f’90 suġġett differenti.
Dan il-programm ta’ tagħlim jinkludi korsijiet fil-ħiliet bażiċi fil-kitba u fil-qari, fil-Matematika u fil-Kompjuter. Jinkludi wkoll korsijiet akkreditati f’livelli differenti fi tnax-il lingwa: il-Malti, l-Ingliż, l-Għarbi, iċ-Ċiniż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Ġappuniż, ir-Russu, l-Ispanjol u t-Tork.
Id-Direttorat joffri klassijiet ta’ tħejjija għal-Livell Ordinarju u Avvanzat, korsijiet tal-kompjuter u taħriġ vokazzjonali. L-għan ewlieni tad-Direttorat hu li jipprovdi kurrikulu li jpoġġi lill-istudenti fiċ-ċentru tal-attenzjoni billi jippromwovi l-ħsieb kritiku, ir-riflessjoni u t-tagħlim tul il-ħajja.
Il-korsijiet huma mifruxa f’9 Ċentri għat-Tagħlim tal-Adulti, 34 kunsill lokali u 17-il organizzazzjoni mhux governattiva. Dawn jattiraw ’il fuq minn 10,000 student/a minn sittax-il sena ’l fuq. Ħafna mill-korsijiet huma twal 32 ġimgħa minn Ottubru sa Mejju. Il-ħlas tal-korsijiet huwa ssussidjat u jibda minn €18.63 għal korsijiet qosra u €46.59 għall-korsijiet taċ-ĊES.
Id-Direttorat jassigura li l-opportunitajiet ta’ tagħlim huma miftuħa għal kulħadd u li persuni ta’ kull età huma mħeġġa biex jilħqu l-potenzjal tagħhom. Joffri wkoll servizz ta’ għajnuna fejn il-koordinaturi tad-Direttorat jiggwidaw lill-applikanti biex jagħżlu l-kors addattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.
Dawk interessati għandhom japplikaw billi jaċċessaw is-sit elettroniku www.lifelonglearning.gov.mt jew imorru personalment bejn it-8.30am u nofsinhar fil-binja tal-Edukazzjoni fi Triq l-Assedju, il-Furjana (tel: 2598 2291,2598 2292).