Hekk kif ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-jiem li għaddew ħarġet is-sejħa ta’ interess biex sidien ta’ gyms li huma interessati li jieħdu sehem f’miżura li tħabbret fil-budget li għadda, jkunu jistgħu japplikaw, illum il-Ministeru responsabbli mill-Isport ħareġ aktar dettajli dwar dan.
Il-miżura tħabbret fil-Budget 2025 u permezz tagħha l-Gvern qed jagħti sitt xhur sħubija b’xejn lil żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007, bil-ħsieb wara din il-miżura huwa li jiġi promoss stil ta’ ħajja aktar san kemm mill-aspett ta’ saħħa mentali kif ukoll b’kultura ta’ nutrizzjoni tajba.
“Is-sena li għaddiet ġiet varata l-Istrateġija għall-konsultazzjoni pubblika flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva A Strategy for Health-Enhancing Physical Activity li għandha viżjoni li kull ċittadin għandu jkollu aktar għarfien dwar l-importanza tal-attività fiżika fil-ħajja ta’ kuljum, li twassal għal titjib fis-saħħa tal-individwu. Kemm din il-miżura li tħabbret fil-budget kif ukoll proġetti oħrajn fis-settur edukattiv u s-settur sportiv qed iwasslu biex nagħtu importanza lill-parteċipazzjoni fl-attività fiżika fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.”
Il-Ministru Clifton Grima
Permezz ta’ din il-miżura li għaliha nfetaħ il-proċess ta’ applikazzjoni, kull min huwa sid ta’ gym jista’ jipparteċipa. Meta jingħalaq dan il-proċess u s-sistema tibda taħdem, iż-żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007 ikunu jistgħu japplikaw, u jkollhom is-sħubija tagħhom għal sitt xhur li tkun imħallsa kollha mill-Gvern.
Dawk il-parteċipanti interessati huma mitluba jagħfsu hawn u jimlew id-dettalji mitluba sa mhux aktar tard min-nofsinhar tal-21 ta’ Frar 2025.