“Jekk nibqgħu nimxu b’mod responsabbli ftit tal-ġranet oħra nkunu f’pożizzjoni li nibdew inħarsu biex inaqqsu l-miżuri.”
Hekk iddikjara d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament fil-ħin tal-mistoqsijiet dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna.
L-Erbgħa filgħaxija l-Ministru Fearne spjega li jekk pajjiżna jibqa’ miexi b’din ix-xejra pożittiva ta’ numru ta’ każijiet baxxi, ser jibdew jiġu rilaxxati ċertu miżuri.
Il-Ministru għas-Saħħa saħaq,”Issa qegħdin f’pożizzjoni li jekk in-numri li kellna f’dawn l-aħħar ftit ġranet immantnuhom għall-ġranet li ġejjin u biex nagħmlu hekk irridu nibqgħu ffukati, nibqgħu dixxiplinati u nibqgħu determinati bħala pubbliku inġenerali li nimxu kif qegħdin, ftit tal-ġranet oħra jekk nibqgħu kif aħna jkollna leeway fejn nibdew inaqqsu xi ftit minn dawn il-miżuri.”
Madankollu l-Ministru Fearne sostna li malli dan iseħħ ħadd ma jrid jieħu l-liġi b’idejh.
Il-Ministru Fearne stqarr, “Jekk nagħmlu hekk nitilfu kollox. Jekk nagħmlu hekk nitilfu kollox. Meta niġu biex inaqqsu l-miżuri ħa ngħidu x’inhuma aħna, ħa jkunu tnaqqis li huwa b’mod studjat, b’mod xjentifiku, b’mod gradwali ħafna. Kull passi li nagħmlu nanaliżżawh u naraw nistgħux immorrux oltre jew saħansitra lura.”
Fil-Parlament id-Deputat Prim Ministru sostna li hekk kif għadu ma jeżistix vaċċin għal din l-imxija l-poplu jrid jitgħallem jgħix ma’ dan il-virus.
Kompla jgħid, “Sakemm ma jkunx hawn vaċċin li jkun reliable li nafu li jaħdem u li nkunu tajnieh lill-parti sostanzjali tal-poplu tagħna rridu nitgħallmu ngħixu ma’ dan il-virus.”
Chris Fearne spjega kif fi żmien qasir pajjiżna ser ikun qed jista’ jagħmel użu minn għodod ġodda sabiex jiġġieled l-imxija tal-Covid-19.
Dawn huma metodu ġdid u eħfef ta’ test t’antibijotiċi fid-demm biex jiġu kkonfermati aktar każijiet ta’ Covid-19 u wkoll teknoloġija ġdida ta’ intraċċar tal-kuntatti li tħares id-drittijiet tal-privatezza ta’ kulħadd.
Hu tenna, “Jekk tidħol din inkunu f’pożizzjoni li wħud mill-miżuri li nkunu diġà għamilna s’issa nistgħu nibdew nibdluwhom u nirrilaxxawhom. Jiġifieri dawn iż-żewġ għodod se jaslu għandna qabel il-vaċċin u b’hekk għal ġimgħat u x-xhur li ġejjin nkunu nistew nibdew inaqqsu u nolteraw, nbiddlu l-miżuri li daħħalna biex il-ħajja anke ekonomika u soċjali tkompli b’rittmu iżjed mgħaġġel.”
Dwar xettiċiżmu li nxteħet dwar it-testijiet li jsiru u n-numru baxx ta’ każijiet fl-aħħar jiem, il-Ministru Fearne kien ċar.
“Għal kull batch ta’ swabbing ikun qed isir il-verifikazzjoni tiegħu jiġifieri aħna nkunu ċerti li dawk l-iswabs ikunu ta’ standard għoli u li dejjem ikunu jagħtu l-istess tip ta’ riżultat u fil-fatt f’dawn l-aħħar ġranet erġajna ġibna l-iswabs li konnha qed nużaw meta kellna n-numri għoljin u n-numri bħalma jaf kulħadd baqgħu baxxi.” Ikkonkluda jgħid il-Ministru Fearne.